Appoġġ assolut għall-MEP Laburista Daniel Attard mid-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba – li huwa wkoll il-Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej. Appoġġ li qed jibqa’ jingħata minkejja l-investigazzjoni serja li qed issir fuq Daniel Attard mill-Pulizija Belġjana.
Meta dan is-sit bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lil Alex Agius Saliba, hu ddiskriva lil Daniel Attard bħala persuna integra u ta’ fiduċja.
U agħar minn hekk, Agius Saliba insista li ma hemm ebda forma ta’ akkużi kontra tiegħu. Dan meta Daniel Attard jinsab taħt investigazzjoni kriminali – tant li l-Pulizija talbu li titneħħa l-immunità Parlamentari tiegħu.
Agius Saliba qalilna wkoll li hu qatt ma ħa l-ebda rigali la mill-Huawei u lanqas minn lobyist oħra; la fil-forma ta’ servizz u lanqas fil-forma ta’ rigali fiżiċi.
Mistoqsi jekk hux se jittieħdu passi fil-konfront ta’ Daniel Attard… Agius Saliba qal li l-Grupp tas-Soċjalisti sal-lum ma skeda l-ebda diskussjoni dwar dan il-każ u għaldaqstant ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.
Dwar l-investigazzjoni li qed issir fuq l-MEP Laburista, Net News staqsa wkoll lill-Membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela, kieku kienu huma minfloku… kinux jagħmlu l-istess.
Bil-Ministru Chris Bonett jgħidlina li hu kemm-il dabra mar jara l-futbol… u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tgħidlina li hi ma ssegwix il-futbol.
Dan meta dan l-iskandlu jmur lil hinn minn sempliċi logħba futbol. Bl-akkużi jkunu ta’ tixħim, u influwenza politika.