Opinjoni

OPINJONI: It-tluq tal-HSBC minn Malta

minn Paul Bonello
Direttur Maniġerjali
Finco Treasury Management Limited

Kien magħruf li l-HSBC kien ilu jfittex il-mument biex jittermina l-preżenza tiegħu hawn Malta. L-HSBC adotta strateġija li jikkonċentra l-operazzjonijiet tiegħu fil-Lvant Imbiegħed. Fl-Ewropa diġà ħareġ mis-suq domestiku fi Franza fl-2024.
Bla dubju raġuni oħra għalfejn l-HSBC irid jitlaq hija li jikkonsidra lil Malta bħala ġurisdizzjoni ta’ riskju għoli għalih, iżjed u iżjed meta Malta kienet tpoġġiet fil-Lista Griża dwar il-ħasil ta’ flus f’Ġunju 2022. Riżultat li Malta kienet qed tkun fl-aħbarijiet internazzjonali wisq drabi u għar-raġunijiet żbaljati fi sfond ta’ korruzzjoni politika flagranti.

Bank li għandu wkoll l-iskeletri tiegħu
Dan ma jfissirx li l-HSBC innifsu ma kellux l-iskeletri tiegħu. Partikolarment fl-Amerika fejn kien akkużat li kien qed jagħmel negozju ma’ drug cartels fil-Kolombja u l-Messiku. Jew fl-Iżvizzera fejn kien jaġixxi għal politically-exposed-persons. L-HSBC ġarrab sanzjonijiet serji fl-Amerika u fl-Iżvizzera fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
Jibqa’ l-fatt imma li l-preżenza tal-HSBC hawn Malta kien matul is-snin ta’ valur pożittiv għall-iżvilupp ekonomiku u ġab riformi fil-qasam bankarju lokali waqt li poġġa lil Malta fuq il-mappa internazzjonali finanzjarja.
Fl-istess żmien ta’ Settembru 2024 sirna nafu wkoll bl-interess tal-APS Bank li jixtri l-istess bank. Li t-taħdidiet kien ilhom għaddejjin għal sena, sentejn, bil-moħbi tal-azzjonisti privati fl-istess APS u HSBC.

Tħassib u bir-raġun
Forsi wieħed jistaqsi x’hemm ħażin f’dan. Iva hemm! Għaliex meta kumpanija tkun ikkwotata fuq il-Borża – u sia l-HSBC kif ukoll l-APS huma t-tnejn listed – għandhom obbligu legali li jgħarrfu lis-suq immedjatament permezz ta’ Company Announcements bi kwalunkwè żvilupp li jista’ jkollu effett fuq il-prezz tal-ishma.
Ma kellhomx għalfejn l-investituri Maltin isiru jafu b’dan riżultat ta’ xnigħat u leaks immaniġġjati. Riżultat ta’ dan, il-prezz tal-ishma fl-HSBC naqas drastikament u dak tal-APS żdied u żamm f’dawn il-livelli anke issa li l-HSBC ħabbar qligħ rekord għall-2024 u li l-APS naqqas b’mod sostanzjali il-qligħ tiegħu għall-istess sena. Sadattant l-MFSA ma nnutat l-ebda manipulazzjoni. Xejn gdid f’din il-gżira… taparsi!
Imbagħad, ngħid jien, ukoll bħala membru tal-Knisja Maltija, ma narax l-irwol tal-Knisja li fil-passat kienet l-akbar sid tal-proprjetà hawn Malta biex wara li Karmenu Mifsud Bonnici “ħelisha” minn dan fis-snin tmenin issa ssir il-proprjetarju tal-akbar bank f’Malta.

L-Isqof ta’ Għawdex kellu raġun
Din ma teżisti mkien fid-dinja għajr għall-Istat tal-Vatikan fejn il-IOR hu mifni bi storja ta’ skandli politiċi, finanzjarji u wġigħ ta’ ras perenni għall-Papa. Kien opportun l-Isqof ta’ Għawdex dwar dan u l-istmerrija pubblika tiegħu “għall-manuvri” – kif għażel li jsejħilhom hu stess – li kien qed jara jseħħu quddiem għajnejh.
Għadda ftit taż-żmien u sirna nafu li hemm interessat ukoll l-OTP Bank. L-akbar bank fl-Ungerija ta’ Viktor Orban, l-odd-man-out fl-Unjoni Ewropea li minkejja l-invażjoni tal-Ukrajina mir-Russia, baqa’ aktar qrib tar-Russja milli tal-istess Unjoni Ewropea. L-OTP huwa wieħed mill-ftit banek li baqa’ jopera fir-Russja ta’ Putin minkejja s-sanzjonijiet politiċi u ekonomiċi kontra r-Russja.
Aktar riċenti sirna nafu li hemm konsorzju ta’ investituri lokali li wkoll għandhom interess li jixtru l-HSBC Malta. Xirka ta’ negozjanti Maltin, uħud minnhom sħab f’avventuri mifnija b’korruzzjoni politika fl-Electrogas.
Ħadd minnhom mhu ġej mid-dinja tal-banking, għajr wieħed minnhom li ssemma – u li dwaru ma saret l-ebda ċaħda – u li jekk vera tirrappreżenta kunflitt ta’ interess flagranti. Insomma dalle stelle, alle stalle!

Il-pożizzjoni tal-Ministru Clyde Caruana
Ikolli ngħid li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana – li tiegħu jiena kritiku għall-politika mnissla minnu meta kien responsabbli mill-Jobs Plus u li ssarrfet f’importazzjoni bla rażan ta’ ħaddiema ekstratrakomunitarji u wasslet għall-over-population tal-lum – kien korrett din id-darba meta, magħrufa t-tlett interessati tal-APS, OTP u l-konsorzju Malti – stqarr li dak li Malta għandha bżonn huwa operatur globali ta’ reputazzjoni intokkabbli biex jidħol flok l-HSBC.
Li għandna bżonn aktar kompetizzjoni, mhux anqas.
Huwa fatt li taħt dan il-Gvern mhux ser ikun hemm xi kju twil ta’ banek interessati. Iżda fl-assenza ta’ xerrej xieraq għal bzonnijiet ta’ Malta jrid jingħata l-messaġġ ċar lill-HSBC li fejn gawdew tant għal għexieren ta’ snin, issa jkomplu jikkrepaw u joqogħdu hemm sakemm jinstab sostitut sodisfaċenti.
Żgur mhix soluzzjoni li jinbiegħ il-Bank b’xi prezz affordabbli għal min iridu bir-roħs tas-sales ta’ Jannar b’detriment kbir għal eluf ta’ investituri żgħar Maltin fl-azzjonijiet tal-HSBC fuq il-Borża ta’ Malta.

Dan l-artiklu deher fil-gazzetta Il-Mument.