Opinjoni

OPINJONI: Firdu l-ippjanar mill-ambjent

Il-Partit Nazzjonalista: Viżjoni moderna u sostenibbli għall-ippjanar u l-iżvilupp f’Malta. Illum tfassal ilbieraħ. Għada jrid jitfassal illum

mid-Deputat Nazzjonlista Stanley Zammit
Shadow Minister għall-Ippjanar,
il-Kostruzzjoni u l-Artijiet

Il-futur ta’ pajjiżna qed jitfassal illum, u bħala Shadow Minster għall-Ippjanar u l-Artijiet, flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u mal-kollegi Deputati tal-Partit Nazzjonalista, qed inkomplu nħaddmu fi djalogu serju, kostanti u miftuħ kemm fi ħdan l-istrutturi tal-Partit Nazjonalista kif ukoll mal-istakeholders kollha.
Dan mhux eżerċizzju għal mox u l-mera – iżda proċess konkret biex insawru eko-sistema ta’ ppjanar li tkun trasparenti, effettiva u ġusta, fejn l-iżvilupp ikun verament għall-ġid taċ-ċittadin.
Man-nies, qed nifhmu li llum għandna pajjiż xpakkat b’popolazzjoni li l-pajjiż ma jiflaħx għaliha għaliex il-Gvern Laburista fl-aħħar tnax-il sena naqas li jippjana.

Warrbu l-kwalità tal-ħajja
Intenzjonalment dan il-Gvern, taħt Prim Ministri u b’Ministri diofferenti, staġna s-sistema tal-ippjanar b’kull skuża imma b’raġuni waħda – għal Gvern Laburista il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-ġid kommuni jiġu l-aħħar wara l-poter u l-interess tal-ftit.
Qed naħdmu fuq politika li tħares lejn l-ambjent, l-ippjanar u l-industrija tal-kostruzzjoni b’mod integrat – mhux b’mod frammentat u antagonistiku kif qed jagħmel il-Gvern. Huwa fatt ċar: dan il-Gvern iddeċieda li jifred l-ippjanar mill-ambjent, u b’dan mhux biss naqqas is-sens ta’ direzzjoni iżda saħansitra żera’ konflitti istituzzjonali u istituzzjonalizzati li għamlu u qed jagħmlu ħsara kbira kemm lill-proċess kif ukoll lil-Pajjiżna. Min ma jarax u ma jmissx l-effett ta’ dan ta’ kuljum?
Min-naħa tagħna, il-Partit Nazzjonalista, qed nibnu politika ġdida bbażata fuq kompetenza, parteċipazzjoni pubblika ta’ veru, u proċessi simplifikati. Il-mira tagħna hi waħda: kwalità ta’ ħajja aħjar, iżda affordabbli – f’komunitajiet li jirrispettaw l-ambjent u jiġu rrispettati mill-ambjent bi spazji għal ħajja b’saħħitha u bilanċjata.

Viżjoni moderna
Id-diskors riċenti ta’ Bernard Grech fil-Parlament kompla juri b’mod ċar kif qegħdin nipproponu viżjoni moderna, b’punti konkreti: reviżjoni sħiħa u olistika tal-pjanijiet lokali, scorecards għal żvilupp sostenibbli, dashboards għat-trasparenza, u studji dwar il-carrrying capacity u studji oħra imsesja fuq ir-riċerka u megħjuna mit-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali biex niżguraw li kull żvilupp ikun verament sostenibbli.
Kuntrarjament, il-Gvern ta’ Robert Abela hu ffukat kif ser jagħmel legali l-abbużi u l-illegalitajiet u kif se jiddisinja Pjani Lokali biex jiġu akkomodati tal-qalba askapitu ta’ kulħadd ieħor.
Id-diskors negattiv tal-Partit Laburista qed jiġi mxejjen bil-proposti konkreti u fattibbli tal-Partit Nazzjonalista fosthom: riforma ta’ politiki dwar djar żgħar, inċentivi għall-użu mill-ġdid ta’ bini abbandunat, u sistema li toffri ġustizzja u direzzjoni ċara.
Għandna viżjoni li żżewweġ il-ħeġġa tal-investituri onesti mal-ħtiġijiet ta’ soċjetà li kontinwament tinbidel fejn persuni, koppji u familji qed jitħabtu biex isibu dar bi prezz raġonevoli, jew biex jgħixu f’ambjent xieraq.
Qegħdin ngħixu f’mument fejn pajjiżna għandu bżonn bidla vera – mhux fil-kliem iżda fl-għemil. Il-Partit Nazzjonalista mhux biss lest għal din it-trasformazzjoni, iżda kapaċi jmexxiha.

Kalkolu elettorali
Għax fejn il-Gvern joffri politika ta’ konvenjenza u kalkolu elettorali, aħna noffru viżjoni sostenibbli, serjetà, u impenn leali lejn Malta, il-futur tagħha u lejn niesa.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen b’saħħa li l-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom ħafna aħjar minn dak li kellhom ilbieraħ u minn dak li għandhom illum. Flimkien, nistgħu infasslu u nibnu Malta aktar ġusta, aktar nadifa, u ta’ kwalità ogħla – għalina, għal uliedna u għal dawk li għad jiġu.
Din hija l-wegħda tagħna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18  ta’ Mejju, 2025.