Opinjoni

OPINJONI: Jaf fejn hu sejjer

Aktar ma naħseb u aktar ma naqra nifhem kemm il-Papa Ljun XIV hu ċar fejn irid jeħodna. (Ritratt: EPA)

mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister
 għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Aktar ma naħseb u aktar ma naqra nifhem kemm il-Papa Ljun XIV hu ċar fejn irid jeħodna. L-għażla tal-isem huwa aktar evidenti propju fid-dikjarazzjoni li jrid jimxi fil-passi tal-maħbub Papa Ljun XIII.
Dak li diversi bħali Nsara impenjati fil-politika nħarsu lejh għal direzzjoni speċjalment fid-deċiżjonijiet xejn faċli. L-enċiklika li qisu aħna d-demokristjani għandna l-unur infakkru ‘Rerum Novarum’ hija fil-fatt il-ġebla tax-xewka ta’ ħidmietna.
Infakkar sempliċement li l-kelma ‘Religio’ magħżula minn missirijietna (dik li wħud fin-nuqqas ta’ informazzjoni tagħhom inkella fid-disprezz lejna), tiddikjara ċar li tfisser li għandna nkunu ispirati mid-duttrina soċjali l-iktar riċenti fosthom propju hi.

Fortunati
Kif mexxa tajjeb fl-għażliet politiċi u soċjali tagħna ma nimxux ma’ dak li l-liberali jew is-soċjaliżmu jiddikjaraw, imma f’dik partikolari tagħna. Dik li teħodna kontra l-kurrent li ma niddejjaq xejn nieħu biex isiru l-għażliet it-tajba.
Jiddispjaċini għall-oħrajn li jridu jagħmlu minna kopja ta’ programmi falluti u skaduti. Triqitna hija ċara u waqt li baqgħet rilevanti issa se ssib, mertu ta’ dan il-Papa, vuċi aktar rilevanti u moderna.
Għax miegħu jibqgħu dawk li jridu jsibu risposti f’dinja moderna li kontinwament tinbidel. Daqqa tmur naħa, daqqa oħra. Sfortunatament mingħajr direzzjoni imma sempliċement f’dak li qegħdin jagħmlu ‘oħrajn’. Meta nafu li kull pass politiku, soċjali ekonomiku jitlob prinċipju etiku fundamentali li jmexxih.

Mexxej ġdid
Huwa f’dan mexxej ġdid li se ċertament jispirana. Jista’ jkun hemm min jikkuntrastah imma biex iwettaq dan irid jifhem dak li qiegħed jgħid. Dan għaliex nagħrfu li kull epoka titlob twegibiet ġodda li aħna niddikjaraw u nemmnu li jridu jkunu mwielda fil-ġid komuni, fil-ġustizzja soċjali, fid-dinjità umana.
Jingħad x’jingħad matul dawn is-snin fi ħdan il-Knisja Kattolika li jien naħdem biex inkun parti minnha kellha bnedmin li komplew kabbru u żviluppaw d-duttrina soċjali. Aktar ma taqra aktar tifhem. Għax hemm patrimonju ta’ għerf li huwa għad-dispożizzjoni tagħna u anki jekk ma jinqarax jew ma jinxteridx minn min għandu l-mezzi ta’ komunikazzjoni f’idejh xorta jeżisti.
Dak il-melħ determinanti li jgħin biex ikun hemm soluzzjonijiet konkreti, awtentiċi lejn żvilupp uman integrali.

Sfidi tal-lum
Jekk Ljun XII tkellem u affronta l-isfidi li r-rivoluzzjoni industrijali ġabet fuq il-bnedmin ta’ dak iż-żmien, illum hemm oħra. It-teknoloġija fil-fruntieri ġodda tagħha qed tipprova tibdel dak li għandna.
Jekk ma nkunux attenti se nitilfu mill-umanità tagħna, mid-dinjità li nġorru. Insiru oġġetti u strumenti ta’ produzzjoni jew fit-truf tas-soċjetà emarġinati. L-isfida hija kbira u jekk wieħed ma jkollux prinċipji ċari jispiċċa jieħu deċiżjonijiet politiċi żbaljati.
Fejn għandna nitilqgħu dejjem bil-ħsieb li t-teknoloġija fl-intelliġenza artifiċjali hija għas-servizz tal-bniedem u mhux bil-kontra. Irridu nkunu attenti u nipproteġu t-tajjeb li għandna. Għax l-intelliġenza artifiċjali, il-ġabra ta’ data kbira li teżisti, il-mezzi soċjali, l-awtomazzjoni, ir-realtajiet virtwali dawn flimkien ma’ oħrajn qed jibdlulna l-ħajja.

Dinjità
Diġà bl-użu ta’ algoritmi li jiddominawna u jabbużaw minnha mingħajr kontrolli veri qed insibu sfidi ta’ kull jum. Fejn bihom il-vuċijiet liberi fis-soċjetà qed jigu maħnuqa fl-apparenza ta’ ftuħ li huwa fil-fatt għeluq.
F’telf ta’ direzzjoni u manipolazzjoni ta’ ideat fejn dawk Insara qed jiġu mniżżla l-aktar ’l isfel jew disprezzati f’forma ta’ vuċi ta’ oppressjoni. Propju f’dan, il-mistoqsija hija kif wieħed jassigura u jara li niddefendu dak li aħna, il-kuxjenza interjuri tagħna u l-libertà esterna li niddeċiedu aħna u mhux l-algoritmi flokna. Dan aktar u aktar quddiem l-isfidi morali fis-saħħa.
Dawk marbuta mat-twelid u mal-mewt tal-bniedem. F’dan iktar id-difiża umana kontra l-allat foloz ta’ dak li qed titressaq bħala l-etika tat-tekonoloġija. Fejn nifhmu, niddikjaraw u nifhmu d-dmir fundamentali tagħna li nikkumbattu kontra l-loġika żbaljata li tiddikjara li dak li huwa teknikament possibbli huwa moralment tajjeb u ta’ dinjità umana għalina.

Fl-għeruq
F’dan nagħraf ukoll li qegħdin f’fażi fejn ir-riħ se jkompli ġej mill-Amerika Latina. F’dak kollu li nbena u ġie mgħallem. Art fertili li ġabet diversi bnedmin ’il quddiem jaqbżu fil-ġustizzja soċjali għal dawk l-aktar ’l isfel fis-soċjetà.
Inġib għalhekk quddiem għajnejja lura lil maħbub Rafael Antonio Caldera (1916-2009). Dak li għandna kitbietu f’idejna.
Dak li kien ddikjara: “Il-movimenti Demokristjani mhumiex għaqdiet magħluqa ta’ riflessjoni u ta’ tagħlim, iżda gruppi ta’ azzjoni. Għalhekk ta’ min jieqaf u jirrifletti fuq it-tifsira tal-espressjoni ‘Demokrazija Kristjana’ għax inkella aħna stess, li dejjem nitħabbtu mar-responsabbiltajiet tal-azzjoni quddiem il-problemi urġenti tar-realtà soċjali, aħna li dejjem nippreparaw ruħna għall-battalji li ċ-ċirkostanzi jitfgħu quddiemna, x’aktarx li nsibuha diffiċli meta niġu biex nistabbilixxu l-prinċipji li għalihom dħalna fil-ġlieda.”
Sejħa attwali u li tibqa’ magħna.

Perjodu ġdid
F’dan huwa ċar li ġej żmien ġdid. Wieħed li jkompli jmexxina lejn kif wieħed jaffronta l-ħwejjeg il-ġodda (rerum novarum) ta’ żminijietna.
Żmien ta’ ħidma. Żmien ta’ għarfien li hemm kapitli ġodda għad-dispożizzjoni tagħna biex nibdul lejn soċjetà li tkun aktar fir-rispett sħiħ tal-bniedem. Ma għandniex nibqgħu lura f’dak li ġej quddiemna. Ma għandniex nibqgħu passi lura milli nikkumbattu għal dak li huwa sewwa.
Il-bniedem huwa importanti għalina u ħaqqu dan. Il-linja politika tagħna twassal iktar b’dan li nkunu rilevanti u melħ qawwi f’pajjiż li tilef ħafna minn dak li hu. Ma għandux ikollna diffikultà f’dan li nimxu wara l-Papa Ljun XIV għax jaf fejn hu sejjer.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 20 ta’ Mejju, 2025.