Għat-tieni darba fi żmien ftit xhur, Robert Abela reġa’ waqqa’ għaċ-ċajt lil pajjiżna fl-Ewropa hekk kif it-tieni kandidat preferut tiegħu għall-kariga ta’ Mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, ukoll falla mill-eżami.
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina, qal li wara li lejn tmiem is-sena l-oħra n-nomina ta’ Edward Zammit Lewis għal Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-UE ġiet irrifjutata, issa anke Veronique Dalli li kienet it-tieni għażla ta’ Robert Abela wara l-falliment ta’ Zammit Lewis, ukoll ġiet irrifjutata.
Il-Gvern ta’ Robert Abela żamm moħbija din l-aħbar wara l-eżami li sar fil-Lussemburgu l-ġimgħa l-oħra u kellha tkun il-midja indipendenti, The Shift News, li tiżvelaha.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern Laburista ma jibqax iwebbes rasu u jagħżel persuni tal-qalba iżda minflok jirriforma l-proċess ta’ kif issir l-għażla biex ikun żgurat li l-għażla ta’ persuni nominati minn pajjiżna biex iservu f’karigi għolja fl-Unjoni Ewropea tkun tassew ibbażata fuq il-mertu u l-kompetenza u mhux fuq il-konvenjenza politika partiġjana li sa issa serviet biss biex tħammrilna wiċċna quddiem l-Ewropa kollha.
Dan it-tieni falliment fi spazju ta’ ftit xhur huwa dovut għall-fatt li l-għażla ta’ Robert Abela kienet ibbażata biss fuq l-interessi partiġjani tiegħu u tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard. Kemm Robert Abela kif ukoll Jonathan Attard għadhom s’issa ma fehmux is-serjetà tal-proċess ta’ skrutinju li jsir biex jinħatru l-Imħallfin fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>