Lokali Qorti

Sena ħabs wara li gideb fuq tliet pulizija

Raġel ta’ 41 sena mix-Xlendi ġie kkundannat sena ħabs mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li nstab ħati li 12-il sena ilu gideb fuq tliet membri tal-pulizija meta bagħat ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Prim Ministru li fiha allega li kienu sawtuh.

Charles Paul Muscat instab ħati wkoll li fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ April 2013 irreżista bil-vjolenza lill-Pulizija, li saq bla kont, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti qalet li s-sentenza dwar dan il-każ ingħatat f’Marzu 2018, iżda Muscat appella. Ġara li tul l-appell ġew neqsin xi dokumenti, u għalhekk fi Frar 2024 is-sentenza ġiet iddikjarata nulla. Wara li nfetħet investigazzjoni, dawn id-dokumenti nstabu u reġgħu ddaħħlu fil-proċess, u s-sentenza kellha tingħata mill-ġdid.

F’dan il-każ il-Qorti qalet li għandha żewġ verżjonijiet kunfliġġenti – dik tal-pulizija u dik tal-akkużat u mara li dak iż-żmien kienet f’relazzjoni miegħu. Il-pulizija li kienu fuq ronda qalu li raw il-karozza tal-akkużat ipparkjata Marsalforn, u ftit wara ġew wiċċ imb wiċċ mal-akkużat waqt li kien qed isuq il-vettura.

Peress li dan suppost kellu jkun id-dar sa nofsillejl, wieħed mill-Pulizija mar biex jeħodlu ċ-ċwievet iżda dan saq għal fuqu u ħarab. Minkejja li l-pulizija baqgħu jsegwuh huwa ma waqafx, u meta waslu quddiem il-blokka fejn kien joqgħod sabu l-karozza pparkjata u l-magna sħuna.

Iż-żewġ kuntistabbli u s-surġent xehdu li minkejja li bdew iċemplulu huwa ma fetaħx, u għalhekk daħlu minn biċċa mkissra fil-bieb tal-komun, u wara sgassaw il-bieb tal-appartament, fejn sabu lil Muscat bil-qalziet ta’ taħt u marru biex jarrestawh, iżda huwa beda jirreżisti u kellhom iniżżluh mal-art.

Min-naħa tiegħu l-akkużat qal li kien ħareġ ma’ ħabib tiegħu u ħalla l-karozza wara l-bieb, u li dan kien wasslu lura d-dar fil-ħin. Qal li qagħad jilgħab il-playstation ma’ ħuh u għall-ħabta tas-1am neża’ u daħal jorqod, iżda sema’ ħafna storbju u fil-pront daħlu fuqu l-pulizija u bdew jagħtuh daqqiet minn kullimkien. Huwa allega li kuntistabbli minnhom kellu għalih.

Muscat qatta’ l-lejl fil-lockup u meta qam kellu ‘black eye’, għalhekk ittieħed l-isptar. It-tabib li rah xehed li kellu ġrieħi kompatibbli ma’ daqqiet. Huwa reġa’ ttieħed l-isptar tlett ijiem wara għax beda jħossu ħażin, u nżamm għal xi jiem minħabba li kien anzjuż.

Min-naħa tagħha, Sonia Vella xehdet li kienet ma’ Muscat tul tmiem il-ġimgħa, u li dakinhar li ġie arrestat kienet hi li ħaditlu l-karozza u niżlet biha Marsalforn, għax kellhom xi jgħidu bejniethom.

Il-Qorti qalet li ma temminx din il-verżjoni, għax minbarra li lil Muscat kienu rawh il-pulizija li segwewh, kien għarfu wkoll surġent ieħor li kien għadu kemm xiref ‘il barra mill-Għassa, u rah għaddej isuq minn quddiemu. Din il-verżjoni kienet sostnuta wkoll mil-lokalizazzjoni tal-mobile ta’ Muscat. Żiedet illi kieku Muscat qala’ x-xebgħa li allega, kien ikollu ħafna iktar ġrieħi gravi, u mhux biss ġrieħi ħfief.

Il-Qorti qalet li l-imġiba tal-akkużat hija theddida għall-forzi tal-ordni, li meta jaqdu dmirhom sew jispiċċaw jaffaċċjaw proċeduri intortament, u għalhekk iddeċidiet li s-sentenza għandha tkun viċin il-massimu.

Kien għalhekk li Muscat kien ikkundannat sena ħabs effettiva u interdizzjoni ġenerali, u kellu €10,000 f’depożitu u garanzija kkonfiskati. Il-Qorti ssospendietlu wkoll il-liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur minn meta jiskonta s-sentenza u ordnatlu jħallas €211 f’esperti.

Finalment il-Qorti talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lix-xhud Sonia Vella b’rabta ma’ sperġur.