Il-futur tal-captain ta’ Stade de Reims, l-internazzjonali Malti, Teddy Teuma jinsab f’salib it-toroq. Għal dawn l-aħħar ġimgħat, il-midfielder ta’ esperjenza kontinwament kien skartat mill-kowċ Samba Diawara, minkejja li l-iskwadra Franċiża qed tirriskja li tkun relegata minn Ligue 1.
Minn informazzjoni li qed tkun rapurtata fil-media Franċiża, jidher li l-pressjoni biex Teuma ma jilgħabx qed issir mill-President Jean-Pierre Caillot. Dan minkejja li Teuma hu meqjus bħala captain ta’ integritá kbira minn sħabu, u fiċ-ċirkostanzi li jinsabu fihom Stade de Reims, l-esperjenza u l-personalitá ta’ Teuma jistgħu jkunu deċiżivi biex il-klabb isalva ġildu u ma jkunx relegat għal Ligue 2.
Ironikament l-aħħar dehra ta’ Teuma bħala plejer ta’ Stade de Reims kienet nhar it-2 t’ April li għadda, meta fis-semi-finali tal-Coupe de France, kontra Cannes, l-internazzjonali Malti daħal jilgħab bħala sositut u kien deċiżiv għaliex skorja l-gowl tar-rebħa għal 2-1, li permezz tiegħu għen lil Stade de Reims jgħaddu għall-finali ta’ din it-tieni l-akbar kompetizzjoni fil-futbol Franċiż.
Stade de Reims se jilgħabu din il-finali nhar is-Sibt li ġej f’Saint-Denis, kontra PSG, iċ-champions ta’ Franza għal dan l-istaġun u wieħed miż-żewġ timijiet finalisti għall-finali tal-UEFA Champions League għal dan l-istaġun, li se tintlaghab fil-31 ta’ Mejju li ġej kontra Inter.
Fl-aħħar żviluppi dwar il-futur ta’ Teuma ma’ Stade de Reims, il-media Franċiża żvelat li l-internazzjonali Malti mhux se jkun qed jerġa’ jilgħab għat-tim dan l-istaġun wara li l-plejer qed jitħalla jieqaf jitħarreġ minn mal-klabb u jmur għal jiem ta’ vaganza. Dan ifisser li għall-finali ta’ nhar is-Sibt kontra PSG, Teuma mhux se jkun parti mill-iskwadra ta’ Stade de Reims kontra PSG.
Madankollu Teuma, se jkun parti mit-tim ta’ Emilio De Leo, għaż-żewġ partiti li jmissha tilgħab Malta fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026, kontra l-Litwanja u l-Olanda rispettivament.
Jidher li kien Teuma stess li talab lill-klabb sabiex jitħalla jmur għal jiem ta’ vaganza wara li b’mod ripetut hu kien qed jitħalla barra mill-kowċ Diawara.
Teuma għadu marbut b’kuntratt ma’ Stade de Reims sal-aħħar tal-istaġun 2026/27, iżda jidher ċar li l-internazzjonali Malti mhux se jkompli l-karriera tiegħu ma’ Stade de Reims, anke għaliex l-imġieba tal-amministrazzjoni tal-klabb fil-konfront tal-captain tagħhom stess, qed tkun waħda nieqsa minn rispett. Fil-ġimgħat li għaddew sar diversi diskors, partikolarment mill-kowċ innifsu li żgur ma jirriflettux il-personalitá u l-abiltá ta’ tmexxija li jipposjedi dan il-plejer.
Sal-lum ma kien hemm ebda rapporti jindikaw liema jista’ jkun il-klabb li jissieħeb miegħu Teuma, iżda fil-jiem li għaddew il-Malti kien mistieden ta’ DAZN, stazzjon internazzjonali li għandu d-drittjiet televiżivi ta’ diversi Kampjonati fl-Ewropa, fosthom dak Belġjan, u Teuma qal li hu għadu partitarju tal-eks klabb tiegħu li magħhom kien suċċess, Union Saint-Gilloise.
//= $special ?>