Sport

Ton Ton Laferla jirbaħ il-Paymix Pro Ragusa Regatta

Ton Ton Laferla huma r-rebbieħa tal-Paymix Pro Ragusa Regatta fejn ikkompetew  jottijiet fil-kategoriji IRC Racers kif ukoll Cruisers fl-ewwel tellieqa offshore tas-sena organizzata mir-Royal Malta Yacht Club.

Id-Direttur tat-Tellieqa, Martin Azzopardi, beda t-tellieqa minn Marsamxett lejn Ragusa billi qasam il-flotta f’żewġ gruppi — Klassi IRC  u RMYC Cruisers.

L-ewwel li wasal f’Ragusa kien Ton Ton Laferla Insurance ta’ Jonathan Gambin, segwit minn Code Zero ta’ Matthew Miceli Demajo u Geisha ta’ Stefan Debattista. Interessanti li, wara li ġiet applikata s-sistema ta’ rating IRC, ir-riżultati għall-klassijiet IRC kienu jikkorrispondu mal-ordni li waslu fil-linja finali. Il-Klassi Royal Malta Yacht Club Cruisers intrebħet minn Escape ta’ Georges Bonello Du Puis, segwit minn Cru ta’ Peter Delia u Dimm ta’ Kevin Pisani Zammit

Il-kundizzjonijiet tat-temp lura lejn Malta kienet prova ta’ paċenzja u determinazzjoni. B’kurrent li affettwa l-port fejn kienet ser tingħata bidu t-tellieqa, fejn ir-riħ ħafif li kien hemm matul il-ġurnata wassal biex Ton Ton Laferla biss Irnexxielu jlesti t-tellieqa. Il-jott ta’ Jonathan Gambin spiċċat it-tellieqa bi ftit iktar minn siegħa qabel il-limitu tal-ħin ta’ nofsillejl.

L-avveniment li jmiss fil-kalendarju tat-tlielaq offshore tar-Royal Malta Yacht Club huwa l-Marzamemi Weekend Regatta, skedat li jsir bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju.