Fit-tmiem ta’ staġun 2024/25, wara li sar magħruf li wara 14-il sena konsekuttivi fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, Balzan sfaw relegati għaċ-Challenge League, dan is-sit hu infurmat li bħalissa hemm diversi diskussjonijiet interni li għaddejin bejn it-tmexxija amministrattiva tal-klabb u l-plejers biex ikun determinat il-futur tagħhom.
Wieħed jifhem li fiċ-ċirkosatanzi preżenti, il-klabb qed iħares li jnaqqas in-nefqa fil-kuntratti tal-plejers, meta mqabbel ma’ dak li kien qed jitħallas matul l-istaġun li għadu kemm intemm. Dan jista’ jwassal biex ċertu plejers meqjusa importanti, partikolarment Maltin, jagħżlu li jieħdu d-deċiżjoni li ma jibqgħux mal-klabb, primarjament għaliex ix-xewqa tagħhom hi li jibqgħu jilagħbu fil-Malta Premier.
Dalgħodu l-paġna ta’ Replay fuq Facebook qed tirrapporta li fost il-plejers li x’aktarx jistgħu jħallu l-klabb, anke għaliex diġà hemm interess għalihom minn klabbs tal-Malta Premier, hemm id-difensur ċentrali u captain tat-tim Samir Arab kif ukoll żewġ plejers internazzjonali Maltin, Tristan Caruana u Jan Busuttil.
Il-futur ta’ dawn it-tliet plejers, possibilment anke ta’ oħrajn li għadhom marbuta b’kuntratt ma’ Balzan, għadu wieħed inċert u skont dak li qed jiġi rrappurtat minn Replay, wieħed jifhem li għaddejin diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat biex fiż-żmien qasir, tittieħed deċiżjoni dwar kull wieħed minnhom.
Hu mifhum li għal dawn it-tliet plejers, kemm Arab, Caruana u Busuttil hemm interess minn klabbs tal-Malta Premier li qed jesploraw il-possibiltá li jibdew negozjati li ma jeħdux fit-tul biex dawn isiru akkwisti ġodda tagħhom.
//= $special ?>