Internazzjonali

Gaza: Eluf kbar ta’ Palestinjani ddisprati fost id-dewmien għat-trasport tal-għajnuna…

Il-Palestinjani f’Gaza qed ikomplu jitolbu għall-għajnuna meta s-sitwazzjoni tagħhom kompliet tiggrava fost l-assedju tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-bejtiet tal-Ħamas fit-territorju. Sitwazzjoni li qed tissarraf f’dejjem aktar imwiet ta’ ċivili, inklużi nisa u tfal.

U waqt li l-poplu ta’ Gaza qed jegħreq f’sitwazzjoni katastrofika, l-esperti madwar id-dinja qed ikomplu jwissu dwar il-mewġa tal-ġuħ devastanti li qed tmiss lil kull Palestinjan fl-artijiet inkwistjoni.

In-Nazzjonijiet Uniti qed tgħid li l-iskwadri tagħha għall-emerġenza f’Gaza għad ma jistgħux iqassmu l-għajnuna lill-Palestinjani, minkejja li fl-aħħar sigħat żdiedu l-moviment tat-trakkijiet mgħobbija bl-għajnuna fl-artijiet tal-fruntiera.

L-uffiċjali f’Iżrael qalu li, nhar it-Tlieta, madwar 100 minn dawn it-trakkijiet laħqu qasmu lejn Gaza. Iżda l-korrispondenti fir-reġjun sostnew li t-tbatija xorta għadha kbira għall-familji Palestinjani f’periklu li huma f’periklu li jmutu bil-ġuħ.

Madankollu, Iżrael beħsiebu jissikka l-morsa fuq il-Ħamas sakemm il-grupp terroristiku jeħles lill-aħħar ostaġġi li qed iżomm qalb diversi moħbiet f’Gaza.

Dan waqt li l-membri tal-Partit Likud tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, sostnew li Iżrael irid jaċċerta li l-Ħamas ma jisirqux l-għajnuna destinata għall-familji Palestinjani. Fl-istess ħin, Iżrael qed jakkuża lill-grupp Ħamas b’li qed jagħmel minn kollox bies jostakola l-paċi waqt li jibqa’ iżomm lill-ostaġġi fl-istat preżenti.

Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet tad-difiża ċivili f’Gaza komplew jirrappurtaw aktar imwiet u midruba fost l-azzjonijiet tal-militar Iżraeljan fuq iz-zoni indikati bħala ċentri tal-kmand tal-Ħamas. Mhux magħruf kemm mill-vittmi kienu terroristi inkella ċivili innoċenti.

Intant, il-komunità internazzjonali qed iżżid il-pressjoni fuq Iżrael, bir-Renju Unit jissospendi t-taħditiet kummerċjali ma’ Iżrael minħabba ‘l-eskalazzjoni militari mhix ġustifikata (tal-Iżraeljani) fuq Gaza.’

Fi żviluppi oħra, l-Unrwa – l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li tħares il-bżonnijiet tar-refuġjati Palestinjani – bagħtet il-filmati li wrew ammonti kbar tal-għajnuna ‘weqfin’ fil-limiti ta’ Amman, fil-Ġordan. Għajnuna li kapaċi tasal lin-nies ta’ Gaza ‘fi kwistjoni ta’ sigħat’.

Il-kunsinni kienu jinkludu ikel għal 200,000 persuna u mediċina għal xi 1.6 miljun Palestinjan – bl-urġenza tas-sitwazzjoni tiżdied minn siegħa għall-oħra. U minkejja li ammont żgħir ta’ għajnuna kienet twasslet diġà fit-territorji ta’ Gaza, l-uffiċjali Iżraeljani ma lestewx l-aħħar proċeduri qabel id-distribuzzjoni tal-kunsinni kollha lill-Palestinjani. Dan ukoll meta r-responsabbiltà għat-trasport tal-għajnuna lejn Gaza qed tkun inkarigata lil fergħa partikulari tal-Armata Iżraeljana.

Min-naħa tiegħu, il-Papa Ljun XIV ħareġ appell speċjali biex Iżrael jippermetti t-trasport sħiħ tal-għajnuna militari lin-nies ta’ Gaza u biex it-tmexxija Iżraeljana ‘ttaffi sitwazzjoni umanitarja li qed tqanqal in-niket u l-inkwiet madwar id-dinja’.

Il-Papa – li, fl-aħħar jiem, irrefera kemm-il darba għall-kriżi ta’ Gaza – appella wkoll biex jieqfu l-ostilitajiet bejn Iżrael u l-Ħamas ‘li l-prezz tagħhom qed iħallsuh it-tfal, l-anzjani u l-morda’.