Waqt il-podcast ta’ Ricky Caruana, l-Eks Sindku tal-Għargħur Helen Gauci tkellmet bla tlaqliq dwar dak li sejħet bħala “vendikazzjoni politika” u “komplott antidemokratiku” kontra tagħha u r-residenti tal-lokalità.
Hija sostniet li l-Partit Laburista, bl-appoġġ dirett tal-Prim Ministru Robert Abela, wettaq manuvra biex jaħtaf il-poter tal-Kunsill Lokali kontra r-rieda tan-nies.
Tul din l-intervista, Gauci spjegat kif kienet dejjem ħadmet favur il-komunità, b’numru ta’ proġetti li ġabu titjib reali fil-Għargħur.
Hija qalet li qabel ma seħħet din il-mossa f’daqqa, ma kellha ebda kunflitt mal-kunsillieri – kuntrarjament għal dak li ntqal.
Helen Gauci sostniet li r-raġunijiet uffiċjali ppreżentati wara l-isfiduċja fil-konfront tagħha huma foloz, u li l-vera motivazzjoni kienet politika. Hi żiedet li l-Partit Laburista qed juża dawn il-manuvri f’lokalitajiet bħall-Għargħur bħala parti minn pjan usa’ biex jikkonsolida l-poter, bl-involviment dirett ta’ Robert Abela.
Helen Gauci għamlet appell ċar lir-residenti u lill-poplu b’mod ġenerali biex jipparteċipaw fir-rally ta’ llejla sabiex iwasslu messaġġ qawwi favur id-demokrazija u kontra dak li sejħet “serq” tal-Kunsill. “Il-vot tan-nies għandu jiġi rispettat,” insistiet, waqt li fakkret li 62% tal-votanti kienu favur il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni tal-kunsilli lokali 11-il xahar ilu.
Sadattant, il-Prim Ministru ma kkummentax dwar is-sejħiet għal elezzjoni ġdida fil-lokalità. F’waqt minhom, anke Ricky Caruana wassal għal din il-konklużjoni fejn saħaq li n-nies tal-Għargħur iridu jiddeċiedu.
Fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista żied il-pressjoni fuq il-Gvern, fejn iddeskriva l-pass tal-ħatra ta’ Mariah Meli bħala Sindku Laburista, bħala “serqa politika” f’kundizzjoni li ċ-ċifri elettorali ma jistgħu qatt jiġu ġġustifikati demokratikament.
//= $special ?>