Qabel mal-ġurati daħlu fl-awla tal-Qorti fejn qed jinstema’ l-ġuri fil-każ ta’ erba’ rġiel akkużati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop, wieħed mill-avukati li qed jirrappreżenta lill-familja ta’ Caruana Galizia, ġibed l-attenzjoni tal-Imħallef Edwina Grima li l-PBS mhux qed jirrapportaw il-każ b’mod fidil.
Dan seħħ qabel ma kompla jixhed l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud fejn l-avukat Jason Azzopardi ġibed l-attenzjoni tal-Qorti fuq ir-rappurtaġġ ta’ dan il-każ. Huwa qal li l-PBS mhumiex qed ikunu fidili fir-rappurtaġġ tagħhom dwar il-każ u kienu preżenti biss għal ftit drabi fl-awla biex jirrappurtaw il-ġuri.
Huwa qal lill-Qorti li jekk wieħed iħares lejn il-gallerija tal-viżitaturi u fejn ikunu wkoll preżenti l-membri tal-midja, wieħed jista’ jara li preżenti hemm rappreżentanti tal-MaltaToday, Net News u Times of Malta.
“Il-PBS lanqas biss qed jiġu jirrappurtaw dwar il-każ. Ġew hawn ftit drabi, mill-bidu tal-ġuri sat-2 ta’ Mejju u għadhom qed jirrappurtaw dwar il-każ, u jirrappurtaw ħażin,” huwa qal. Tenna li mhux qed jispjegaw sew x’qed jiġri u li ħafna drabi qed ikun rappurtaġġ żbaljat.
Hawn il-Qorti qalet li filwaqt li hi ma tistax tindaħal min jirrapporta l-ġuri u min le, ir-rapporti għandhom ikunu fidili lejn il-partijiet kollha.
//= $special ?>