Il-Parlament Ewropew nieda uffiċjalment is-sejħa għall-parteċipazzjoni għall-ħames edizzjoni tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu.
Kull sena, il-Premju jingħata għall-eċċellenza fil-ġurnaliżmu li jippromwovi jew jiddefendi l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħalma huma d-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: “Stampa ħielsa hija l-aħjar protezzjoni għad-demokrazija. Il-ġurnalisti jridu jkunu liberi li jirrapportaw mingħajr biża’ ta’ ċensura, intimidazzjoni, jew ritaljazzjoni. Il-Parlament Ewropew dejjem se jibqa’ jiddefendi l-libertà tal-media u tal-istampa.
Il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu jonora lil dawk li jitfgħu dawl fl-aktar irkejjen mudlama — għax ħadd m’għandu jħallas talli jaqbeż għall-verità. Il-premju huwa turija tad-dedikazzjoni soda tal-Parlament Ewropew għall-verità u l-libertà tal-kelma u qiegħed hemm għal kull ġurnalist li jiġġieled għall-fatti, irrispettivament minn kemm dawn ikunu skomdi. Bis-saħħa tal-libertà ġurnalistika, id-demokrazija tagħna tiffjorixxi.”
Il-Premju huwa miftuħ għal ġurnalisti professjonisti u timijiet ta’ ġurnalisti professjonisti ta’ kull nazzjonalità. Huma jistgħu jissottomettu xogħlijiet fil-fond li jkunu ġew ippubblikati jew imxandra mill-media bbażata f’wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. L-għan huwa li jingħata appoġġ lill-ġurnaliżmu professjonali fis-salvagwardja tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem
Ġurija indipendenti magħmula minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru flimkien ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Ġurnaliżmu ewlenin, se tagħżel il-parteċipazzjoni rebbieħa. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni ssir kull sena għall-ħabta tas-16 ta’ Ottubru, il-jum li fih inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Il-premju u l-valur fi flus ta’ €20,000 huma turija tal-appoġġ qawwi li l-Parlament Ewropew jagħti lill-ġurnaliżmu investigattiv u tal-importanza ta’ media ħielsa. Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-Parlament wissa dwar tentattivi kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha biex jimminaw il-pluraliżmu tal-media.
Il-Parlament ikkundanna ripetutament it-tentattivi biex tiġi limitata l-libertà tal-media, speċjalment l-attakki kontra l-ġurnalisti, fi kwalunkwe forma u minn kwalunkwe sors. Il-Membri tal-PE kienu strumentali fl-isforz li laħaq il-qofol tiegħu f’Marzu 2024 bl-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, li jħares il-libertà tal-media kif ukoll is-sigurtà u l-indipendenza tal-ġurnalisti. Għal snin sħaħ għamlu wkoll pressjoni għal regoli biex tiġi indirizzata l-litigazzjoni malizzjuża, bl-għan li jipproteġu lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili minn kawżi strateġiċi li jfittxu li jsikktu l-ilħna kritiċi, u d-Direttiva tal-UE kontra s-SLAPP finalment ġiet approvata fi Frar 2024.
Il-ġurnalisti jistgħu jissottomettu l-artiklu/i tagħhom online fuq https://daphnejournalismprize.eu/ sal-31 ta’ Lulju 2025, f’nofsillejl (CET).
//= $special ?>