“Il-verżjoni ta’ Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu”, kienet waħda veritiera u ma setgħetx tiġi dubitata. Kien għalhekk li huwa ngħata l-proklama fil-każ tal-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop. Muscat kellu informazzjoni utli u dak kollu li qal kien ikkollaborat. Vince Muscat kien ċar ħafna fi kliemu u deher li kien jaf x’ġara, u għalhekk kien parti importanti fit-tkomplija tal-investigazzjoni.
“Fuq il-kwistjoni ta’ flus u t-timing, li Chircop inqatel b’revolver, ir-rotta li ttieħdet lejn il-kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara fejn inqatel l-avukat. X’kien liebes il-vittma. Kien ukoll Muscat li indika l-garaxx ta’ Santa Venera u dwar l-appartament li kien mikri għand Jamie Vella, li anke l-istess Vella kien ikkonferma li kien jgħix f’dan l-appartament.
“U kien hemm bosta fatturi oħra li “Il-Koħħu” b’dak li qal wieħed ma seta’ jiddubita qatt minnu. Fost dawn min kien saq il-karozza lejn il-kumpless u barra minn kumpless li kien il-visor tal-karozza kien imniżżel. Ix-xhieda tiegħu telgħet il-każ skaluna ‘l fuq biex saru l-arresti.”
Dan irrriżżulta minn fomm l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud li kompla jixhed fil-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel, liema ġuri issa daħal fl-24 ġurnata tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015.
Fil-ġuri li qed jinstema; quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.
Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.
Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
Fuq mistoqsija tal-prosekuzzjoni għaliex ma ħax il-proklama fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Arnaud qal li Muscat qal il-verità wkoll fuq dan il-każ imma mhux kull informazzjoni twassal għal evidenza, u dik hi li tħoll u torbot. Dak li qal Muscat kien simili għal dak li qal Melvin Theuma, imma l-informazzjoni ma semagħhiex hu, imma minn dak li sema’ mingħand ħaddieħor, li tiġi “hearsay evidence”.
Vince Muscat kien ingħata sentenza ta’ 15-il sena fl-involviment tiegħu tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Sadanittant qabel ma beda jixhed Arnaud, l-avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, ġibed l-attenzjoni tal-Imħallef Edwina Grima fuq ir-rapurtaġġ ta’ dan il-każ.
Huwa qal li l-PBS mhumiex qed ikunu fidili fir-rappurtaġġ tagħhom dwar il-każ u kienu preżenti biss għal ftit drabi fl-awla biex jirrappurtaw il-ġuri. Huwa qal lill-Qorti li jekk wieħed iħares lejn il-gallerija tal-viżitaturi u fejn ikunu preżenti l-membri tal-midja qal li wieħed jista’ jara li preżenti hemm rappreżentanti tal-MaltaToday, Net News u Times of Malta.
“Il-PBS lanqas biss qed jiġu jirrappurtaw dwar il-każ. Ġew hawn mill-bidu tal-ġuri sat-2 ta’ Mejju u baqgħu jirrappurtaw dwar il-każ, u jirrappurtaw ħażin,” huwa qal. Tenna li mhux qed jispjegaw sew x’qed jiġri u li ħafna drabi qed ikun rappurtaġġ żbaljat.
Fit-tieni ġurnata tax-xhieda tiegħu Arnaud qal li meta kien interroga lil-akkużati flimkien mal-kollegi tiegħu fil-Korp tal-Pulizija, dawn ma kinux wiegbu għad-domandi magħmulha minnu, u dan kien għall-ammont kbir ta’ domandi.
Ix-xhud qal li darba fost oħrajn l-Avukat Arthur Azzopardi, li dak iż-żmien kien l-Avukat ta’ Vince Muscat kien qallu li kien se jitlob il-miljun ewro li l-Gvern kien wiegħed bħala premju mill-Gvern għal min jagħti nformazzjoni li twassal biex jissolva l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.
Arnaud qal li huwa ma qabel bl-ebda mod ma’ dan kollu u qal lill-Avukat Azzopardi, li dawn l-affarijiet ma jistgħux isiru. “Il-premju ma jistax jingħata lil xi ħadd involut f’omiċidju. Hawn l-avukat qallu mela Muscat kien se jirtira mill-għajuna kollha li kien qed jagħti lill-Pulizija. Ix-xhud qal li meta huwa kellem lil Muscat dwar dan, qallu li hu jinteressah biss il-proklama.
Arnaud xehed dwar l-evidenza fuq l-għajdut dwar Kevin Ellul magħruf ħafna bħala Double 0 u t-tfajla tiegħu Nicole Brignone. Huwa qal li Brignone sostniet li Ellul kien kontinwament jitkellem dwar li japptiha lill-aħwa Ta’ Maksar permezz ta’ bomba bħala vendetta. Huwa kien jemmen li l-aħwa kien għamlu bomba fid-dar tiegħu.
Arnaud qal lill-ġurati li Brignione kienet qaltilom li l-aħwa Degiorgio kienu jċemplu lil Ellul mill-ħabs permezz ta’ mowbajl biex jassigurawh li ismu ma kienx se jissemhma b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Arnaud issemmi li Brignone qalet ukoll li Ellul kellu garaxx mimli splussivi, iżda meta mistoqsija kif taf li kienu splussivi, kienet tgħidilhom li ma tafx. “Kevin qalli li kienu splussivi,” qalet lill-pulizija. Meta mistoqsija x’taf dwar it-telefonati, kienet twieġeb, “Ma nafx, kont nieħu d-droga dak iż-żmien.”
Fil-bidu ta’ dan il-ġuri diġa ħareġ li f’xhieda li kienet tat lill-Maġistrat Inkwerenti l-eks tfajla ta’ Kevin Ellul, kienet qalet li dan kien semma’ ħafna li fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienu involuti Joseph Muscat u Keith Schembri. Nicole Brignone kienet xehed li Ellul qallha li Joseph kien “idjota” għax kien hu li “qabbadhom”.
Kevin ma ħallasx biex dan iseħħ iżda hu stess iżda semma li xi ħadd ieħor għamilha. Brignone kienet qalet li sa fejn taf hi Ellul kien semma lil Keith Schembri bħala l-politkant l-ieħor u li hu kien jaf ħafna dwar dak li seħħ.
Arnaud qal li ma nstab xejn suspettuż fir-residenza ta’ Kevin Ellul. Huwa jgħid li l-pulizija żammewh arrestat u interrogawh dwar l-allegazzjonijiet. Waqt l-istqarrija tiegħu, Ellul insista mal-pulizija li qatt ma kellem lil aħwa Degiorgio. Huwa qalilhom li ma jkunx jista’ jagħrfu f’identification parade, u ssuġġerixxa li jippruvaw, iżda Arnaud tenna li ma għamlux dan peress li l-każ ta’ Degiorgio kien għadu mhux magħluq.
Filmati ta’ l-istqarrijiet jintwerew lill-ġurati
Wara x-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud il-ġurati bdew jaraw filmati ta’ l-istqarrijiet tal-pulizija meħuda b’rabta ma’ dan il-każ. L-ewwel stqarrija hija tal-akkużat Adrian Agius. Agius jidher qed jiġi mistoqsi dwar il-maħżen ta’ Ħal Qormi li huwa fiċ-ċentru tal-ftehim tiegħu mal-vittma l-Avukat Carmel Chircop.
Adrian Agius kien ġie arrestat u interrogat dwar il-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015 – iżda l-pulizija ma kellhiex biżżejjed evidenza biex tipproċedi dakinhar Huwa beda jwieġeb lill-pulizija fejn qalilhom li dan kien tal-aħwa Bonnici u li Chircop kien iffirma wegħda ta’ bejgħ ma’ Bonnici biex jixtru dan il-maħżen. Kien mistoqsi wkoll fuq is-safar li għamel lejn diversi pajjiżi Ewropew fuq negozju fosthom lejn il-Ġermanja u Brussel.
Huwa qal li l-mara tiegħu kienet qaltlu li marru l-Pulizija jfittxuh waqt li kien imsiefer. Qal li kien ċempillu ħuh ukoll li kienu marru l-Pulizija u dan b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Dwar il-fatt li l-Avukat Chircop li kien se jagħmillu sekwestru, Adrian Agius jidher iwieġeb li hu kien qed jifaċċaa diversi sekwestri, anke mill-banek.
Chircop kellu jieħu €600,000 biex jiffinanzja x-xiri ta’ maħżen f’Ħal Qormi minn More Supermarkets. Agius kien azzjonist flimkien ma’ Ryan Schembri u Etienne Cassar. Il-ftehim kien falla meta Schembri ħarab minn Malta.
Agius ma kkonfermax li Chircop kien qed jiġri warajh għall-flus, u injora dan kollu billi spjega li kellu ħafna kredituri. Huwa qal li kien qed jippjana li jieħu lil Chircop il-qorti dwar din il-kwistjoni. Hawn Keith Arnaud qallu imma mhux f’ċifra ta’ €600,000, b’Agius iwieġeb li l-ammonti kienu kbar ukoll. Agius qal lill-Pulizija li ma setax jifhem għaliex b’sempliċi telefonata nqala’ dan kollu. U tenna li hu kien lest iħallas l-ammont kollu li kellu jagħti lil Chircop.
F’ħin minnhom Agius instema’ jgħid ukoll li meta kien barra l-pajjiż kellu l-opportunità jixtri ‘l fuq minn 8,000 karozza mis-suq Ewropew bi prezz ferm vantaġġuż. Meta mistoqsi waqt l-interogazzjoni kif sar jaf bil-qtil ta’ Carmel Chircop, Adrian Agius qal lill-pulizija li sar jaf meta wasal Malta mill-vjaġġ tiegħu, meta qaltlu martu. Il-pulizija staqsewh jekk iċċekkjax l-aħbarijiet waqt li kien barra minn Malta, iżda Agius qal li ma ra xejn online. Huwa jirrepeti li ma kien jaf xejn qabel ma wasal lura Malta.
Il-ġurati jkomplu jintwerew il-filmati fejn issa jidher Jamie Vella matul l-interrogazzjoni fejn jidher iwieġeb b’“ma nweġibx” għall-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet. Jamie jiġi mistoqsi dwar l-armi, u jingħad lilu li jekk irid jistgħu jmorru miegħu u juruhom fejn jinsabu, iżda l-pulizija mbagħad tgħidlu li jeħtieġ li tkun jaf min hi l-persuna li tkun fil-post.
Dan għax jekk hu kriminal ikun persuna differenti, iżda Jamie Vella jgħid lill-pulizija li jkunu jafu meta jaslu fil-post. Jamie jikkonferma li m’għandhomx jinkwetaw għax din il-persuna għandha problemi bil-qalb, u jgħidlhom li l-unika ħaġa li jeħtieġ li jagħmlu hi li jmorru jieħdu l-armi u jitlilqu, iżda l-pulizija jinsistu miegħu li jeħtieġ li jkunu jafu x’jismu l-persuna.
F’dan il-filmat, il-pulizija tistaqsi lil Vella għaliex applika għal-liċenzja tal-armi tan-nar. Jgħid li riedha sabiex jekk qatt jixtri d-dar tiegħu stess ikun jista’ jaħżinhom fuq il-post. Uffiċjal tal-pulizija jistaqsih jekk qatt marx f’xi range tat-tiri biex jispara xi armi. Jgħid li għamel hekk, iżda darba biss.
Robert Agius kien il-Bidnija dakinhar tal-qtil ta’ Caruana Galizia
Il-ġurati raw ukoll filmati tal-interrogazzjoni tal-pulizija ma’ Robert Agius. Il-pulizija qalet lil Agius li t-telefon tiegħu kien imqabbad mat-torri tat-telefon ċellulari tal-Bidnija fil-jum tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Agius jgħid li mar id-dar u għadda minn Bidnija għall-ħabta tas-2:30pm. Huwa qal lill-pulizija li t-telefon tiegħu kien imqabbad mat-torri tat-telefon ċellulari tal-Bidnija għax kien fir-razzett ta’ Jamie fl-istess lokalità.
Il-filmati preċedenti ttieħdu fl-2018. Wara l-ġurati ntwerew filmati ta’ interrogazzjoni oħra ma’ Robert Agius fl-2021. Agius jibqa’ jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-pulizija bir-risposti ’“Mhux se nwieġeb”.
Imbagħad, il-ġurati bdew isegwu filmati tal-interrogazzjoni fil-konfront ta’ George Degiorgio. Fil-filmat, il-pulizija staqsiet lil Degiorgio dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-aħwa Maksar u Vince Muscat. Degiorgio jidher jibqa’ sieket u ma jweġibx il-mistoqsijiet tal-pulizija.
Meta l-pulizija staqsewh jekk kellux xogħol magħhom qabel ma daħal il-ħabs, Degiorgio reġa’ baqa’ sieket. Anke meta l-pulizija staqsietu jekk jiftakarx li ntalab joqtol lil Carmel Chircop, Degiorgio baqa’ ma qal xejn. Il-ġuri jkompli l-Ħamis filgħodu fid-9am.
L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.
L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.
//= $special ?>