Kollox jinsab lest għar-rally li se jiġi organizzat illejla quddiem il-Każin tal-PN fil-Għargħur – rally li jibda fis-6:30pm.
Ir-‘Rally favur id-demokrazija’ se jkun indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Dan wara li l-Gvern ta’ Robert Abela seraq il-Kunsill Lokali tal-Għargħur, meta ħataf f’idejh is-sindakat.
F’Ġunju li għadda n-nies ta’ Ħal Għargħur ivvutaw b’maġġoranza qawwija biex jeleġġu Kunsill Lokali mmexxi mill-Partit Nazzjonalista, u għal Sindku tal-PN. F’dik l-elezzjoni l-PN kiseb 62.3% tal-voti, waqt li l-Labour ġab biss 37.7%.
Imma f’manuvra antidemokratika orkestrata minn Robert Abela bil-barka tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, b’vot ta’ sfiduċja fis-Sindku eletta Helen Gauci li kien motivat politikament, il-Labour ġie jaqa’ u jqum mill-vot tal-Għargħurin u qed imur kontra r-rieda tal-maġġoranza biex jikkmanda hu.
Il-PN qed jinsisti illi huwa propju għalhekk li n-nies għandhom jinġabru f’Ħal Għargħur biex isemmgħu leħinhom kontra min irid ikażbar id-demokrazija.
//= $special ?>