Lokali Parlament

Inkwetanti kif evolviet is-sitwazzjoni fil-Għargħur; solidarjetà ma’ Helen Gauci

Janice Chetcuti, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti qalet fl-Aġġornament tal-Parlament, li hu inkwetanti l-mod kif evolviet is-sitwazzjoni fil-Għargħur fejn il-PL immanuvra biex ħa l-poter b’minoranza ta’ voti.

Hi tkellmet dwar is-settur tal-ħarsien tal-annimali u qalet li kienet imweġġgħa dwar il-każ li fih instab kelb mormi fit-triq minn persuna li kienet adottatu. Għalxejn isru l-liġijiet jekk dawn ma jkunux infurzati.

Hi qalet li kien Gvern Nazzjonalista li daħħal il-liġi tal-micro chipping u appellat biex ikun hawn uffiċjali li jivverifikaw jekk il-klieb ikunux micro chipped biex tkun evitati tbatija għall-annimali. Id-deputat Nazzjonalista sostniet li għandhom jittieħdu passi kontra min tefa’ lil dan il-ġeru barra sempliċiment għax qal li ma sabx veterinarju biex jikkurah. Dan mhux aċċettabbli.

Janice Chetcuti qalet li issa hu konfermat li hawn 25 individwu li se jgawdu mill-amnestija dwar żamma ta’ annimali perikolużi. Hi semmiet il-każ tal-erba’ ljun u pantera li kienu miżuma fin-Naxxar u li issa ttieħdu f’post mhux awtorizzat. Janice Chetcuti qalet li għandhom jinbidlu l-liġijiet eżistenti dwar il-prova f’każi kriminali għaliex l-annimali ma jistgħux jibqgħu priġunieri.

Janice Chetcuti esprimiet solisarjetà mal-Eks Sindku tal-Għargħur Helen Gauci u qalet li l-mod kif evolvew l-affarijiet fil-Għargħur hu ta’ inkwiet.