Internazzjonali

Ir-Rumanija: L-estremista tal-lemin Simion irid jinvalida l-elezzjoni li tilef

George Simion, il-Kap tal-Partit estremista tal-lemin, AUR, beħsiebu jikkontesta r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tal-Ħadd fir-Rumanija fejn hu kien ħareġ tellief kontra l-politiku taċ-ċentru, Nicusor Dan – EksSindku ta’ Bucharest.

Filwaqt li Dan irid li r-Rumanija tikkonsolida postha bħala membru attiv tal-Unjoni Ewropea, George Simion għandu s-simpatiji mal-President Russu Vladimir Putin waqt li hu kritiku kbir tal-UE. Dan ukoll meta fl-aħħar ġranet ħarġu aktar indikazzjonijiet li Moska kienet għamlet minn kollox biex tinfluwenza l-elezzjoni (fir-Rumanija) favur Simion.

Sadanittant, George Simion mistenni jappella lill-Qorti Kostituzzjonali f’Bucharest biex taqleb ir-riżultat tal-elezzjoni, anki jekk iċ-ċansijiet li jirnexxi huma ftit fiċ-ċirkustanzi. Dan meta hu, issa, ħareġ b’akkużi dwar ‘indħil politiku minn barra’ u ‘frodi’ – b’aċċenn partikulari għal allegat ‘xiri tal-voti fir-Repubblika tal-Moldova’.

Filwaqt li Simion kien dam biex jaċċetta t-telfa ladarba sar jaf bir-riżultat tal-Ħadd, qed jidher li hu, issa, irid jinvalida l-elezzjoni. Hu, fil-fatt, qed jipprova jirrepeti s-sitwazzjoni ta’ Diċembru, meta l-Qorti Kostituzzjonali, kienet ħassret l-elezzjonijiet għall-Presidenza Rumena – bil-kandidat estremista Calin Georgescu (sieħeb Simion u wkoll ħabib tal-Kremlin) jispiċċa sospiż mit-tellieqa.

L-osservaturi newtrali, intant, qed jgħidu li Simion, sempliċiment, ‘irid isabbat saqajh għaliex tilef’. Dan meta l-politiku estremista qed jinsisti li kienu s-sostenituri tiegħu li ħeġġewh biex (wara r-riżultat) jieħu azzjonali legali fuq livell domestiku u internazzjonali.

Simion, issa, qed jallega li r-Repubblika tal-Moldova użat baġit ekwivalenti għal €100 miljun biex tiffinanzja dak li hu msejjaħ ‘turiżmu elettorali’ bħala parti minn kampanja biex tinfluwenza l-vot fir-Rumanija,

Akkuża oħra hi li l-awtoritajiet Rumeni użaw ‘ir-riżorsi amministrattivi ta’ Stat ieħor’ biex jinfluwenzaw il-proċess favur Nicusor Dan. Intant Simion anki allega li ‘l-awtoritajiet inkludew anki l-voti taparsi mitfugħin minn persuni li m’għadhomx ħajjin – minbarra li mmanipulaw dolożament il-konkorrenza tal-votanti Rumeni għal aktar minn 11.5 miljun.’