Waqt attività mtellgħa minn Missio Malta fl-iskola San Andrea, tfal ta’ etajiet differenti setgħu jitgħallmu dwar il-valur tad-diversità, u l-importanza li napprezzaw lil xulxin. L-attività ġiet organizzata fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għad-Diversità Kulturali, id-Djalogu u l-Iżvilupp, bħala parti minn programm kontinwu ta’ attivitajiet simili li Missio Malta tħejji biex ixxerred tgħarif dwar il-ħidma tagħha fil-missjoni.
Robert Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta, qal li dan il-programm ta’ attivitajiet huwa ċentrali għall-ħidma ta’ Missio għax iwassal il-ħafna xogħol li jagħmlu l-voluntiera ta’ Missio madwar id-dinja, għand studenti żgħażagħ u jispirahom jitħajru jkomplu f’din it-triq.
Permezz ta’ bosta inizjattivi differenti, li jinvolvu l-apprezzament tal-kultura, l-arti, likel, u l-logħob, ftaħna s-separju fuq dinja kbira u sabiħa li topera fiha Missio Malta fi tliet kontinenti differenti. Fil-fatt l-istudenti tagħna setgħu jitgħallmu dwar l-użanzi u l-ġmiel tal-kulturi differenti fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika t’Isfel, permezz ta’ logħob u informazzjoni interessanti mħejjija apposta għalihom.”
Nancy Caruana, il-kordinatur tal-proġett, kompliet li dan l-outreach iwassal biex l-istudenti japprezzaw iktar lil xulxin. “F’dinja globalizzata, importanti li nitgħallmu iktar dwar xulxin u mingħand xulxin, sabiex napprezzaw dak li jagħmilna differenti imma iktar interessanti ukoll. Aħna kollha differenti u għandna ħafna sabiħ li tajjeb li napprezzaw f’xulxin, b’hekk inkunu nistgħu nifhmu lil xulxin,” tenniet Nancy.
L-attività fl-iskola San Andrea kienet biss l-aħħar waħda f’sensiela ta’ attivitajiet bit-tema tad-diversità li Missio Malta torganizza matul is-sena fi skejjel madwar Malta u Għawdex.
Dawn l-attivitajiet jinkludu wirjiet informattivi dwar il-kultura tal-postijiet fejn topera Missio, logħob interattiv li jħeġġeġ lit-tfal jitgħallmu dwar użanzi ta’ dawn il-postijiet kif ukoll tagħrif dwar ikel u kostumi.

