Internazzjonali

L-għajnuna umanitarja għadha ma waslitx f’Gaza

Iżrael qed jgħid li kien hemm 93 trakk li daħlu f’Gaza mimlijin għajnuna umanitarja. Iżda n-Nazzjonijiet Uniti qed jgħidu li l-ebda għajnuna għadha ma tqassmet.

Jidher li t-trakkijiet qasmu mill-fruntiera ta’ Kerem Shalom lejn in-naħa Palestinjana – għalkemm l-għajnuniet, effettivament, baqgħu ma twasslux għand in-nies.

Din hija s-sitwazzjoni traġika li jinsab fiha l-poplu Palestinjan wara xhur sħaħ ta’ gwerra, fejn issa l-ġuħ qed jinħass sew fost il-popolazzjoni kollha – speċjalment it-trabi li m’għandhomx ikel.

Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif is-sitwazzjoni saret waħda katastrofika. U fis-sigħat li ġejjin, in-nuqqas ta’ provvisti żgur li se jwasslu biex ikun hemm aktar imwiet ta’ nies ċivili – vittmi ta’ dan il-kunflitt.

Fl-aħħar sigħat, tabib Britanniku li tkellem mal-midja Ingliża stqarr li l-mexxeja internazzjonali għandhom jieqfu jitkellmu u jibdew jaġixxu. Dan għaliex it-tobba qed jaraw kuljum nies imutu quddiem għajnejhom kaġun tan-nuqqas ta’ ikel.

Fil-Medda ta’ Gaza, bħalissa, ftit huma l-isptarijiet li għadhom qed jiffunzjonaw. Tnejn minnhom huma dawk f’Nasser u fiz-zona ta’ Amal.

Hawn, it-tabib Tom Potokar iddeskriva kif il-provvisti huma skarsi. U hemm ukoll nuqqas ta’ ilma.