Lokali

“Ma jeżisti l-ebda qbil dwar l-emendi għall-Kostituzzjoni” – PN

Il-Partit Laburista qed jigdeb

B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Laburista aktar kmieni llum waranofsinhar, il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li l-Partit Laburista qiegħed jigdeb meta jgħid li l-Partit Nazzjonalista esprima qbil mal-emendi proposti mill-Gvern għall-Kostituzzjoni.

Kuntrarju għal dak li qed jgħid il-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx u/jew għandu riżervi serji dwar l-emendi mressqa mill-Gvern għall-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija, Karol Aquilina, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja; u Carm Mifsud Bonnici, ix-Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem; qalu li għalhekk huwa ċar li ma ntlaħaq l-ebda qbil dwar dawn l-emendi u din is-sitwazzjoni se tkun riflessa fil-Parlament meta jibda jiġi diskuss l-abbozz u jittieħed il-vot dwaru. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-emendi proposti mill-Gvern jeħtieġu l-vot ta’ żewġ terzi tal-Membri tal-Kamra sabiex jiġu approvati.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Partit Laburista u l-Gvern jieqfu jigdbu u minflok, b’umiltà u b’rispett, jersqu ‘l quddiem għal diskussjonijiet fi proċess komprensiv u strutturat ta’ riforma sħiħa tal-qafas kostituzzjonali ta’ pajjiżna mmexxi u ggwidat mill-President ta’ Malta bis-sehem tal-membri tal-Kumitat għar-Riforma Kostituzzjonali.