Opinjoni

OPINJON: Il-każ ta’ Ħal Għargħur

F’kull każ simili, fejn it-tmexxija ma tirriflettix il-vot popolari, tkun qiegħda tiġi mwarrba s-setgħa tal-vot demokratiku li f’dan il-pajjiż irridu nsaħħuh u mhux indgħajfuh

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Il-Partit Laburista jaf li ma għandux mandat u fiduċja tal-elettorat tant li ma jridx imur għal elezzjoni lokali f’Ħal Għargħur

Matul dawn l-aħħar ġranet Malta tista’ tgħid xegħlet bil-ġrajjiet dwar il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur, tant li ġibdu l-attenzjoni tal-opinjoni pubblika, partikolarment wara l-mozzjoni ta’ sfiduċja li tressqet kontra s-Sindku Helen Gauci, figura eletta b’maġġoranza assoluta ta’ voti fl-aħħar elezzjoni lokali. Anki jekk il-Kunsilli Lokali mhux dejjem jattiraw daqstant interess pubbliku, din il-mozzjoni u sussegwentament il-bidla fit-tmexxija minn dik Nazzjonalista għal waħda Laburista, kiseb l-attenzjoni ta’ min isegwi l-politika.
Din il-mozzjoni li tressqet fil-konfront ta’ Sindku elett demokratikament, iffirmata minn żewġ kunsillieri Laburisti u kunsilliera oħra indipendenti li kienet eletta f’isem il-PN lura għall-2024 iġġib magħha ħafna kontroversja u dan kemm minn perspettiva legali imma wisq aktar ukoll minn perspettiva morali u politika.
Irrid ngħid li Helen Gauci, kienet l-unika kandidat li ġabet iktar voti minn kull kandidati oħra individwalment u għaldaqstant kisbet il-fiduċja ta’ 43% tal-voti tal-elettorat f’Ħal Għargħur. Madankollu, issa qed ġiet sfidata minn tliet kunsillieri li bejniethom ġabru inqas voti minnha weħidha.
Dan huwa l-bażi tal-argument li qed jikkontesta bih il-PN. B’hekk, dan jikkonferma x’riedet u għalxiex ivvutat il-maġġoranza tal-poplu, u li issa qed jiġi mċaħħad mill-għażla demokratika skont l-elezzjoni.
Il-PN kien kategoriku u esprima ruħu b’mod ċar u qawwi kontra dan l-attentat ċiniku biex tneħħiet s-Sindku eletta mill-maġġoranza tal-votanti. F’dan il-każ, Ħal Għargħur għandu tmexxija b’minoranza ta’ voti li qed tiddomina lill-maġġoranza anki jekk mhix eletta demokratikament.
Mhux se nidħol hawn fil-mertu ta’ xi tgħid il-liġi, jiġifieri skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali għaliex il-punt fundamentali jibqa’ li l-PN ġab il-maġġoranza u allura għandu jkollu d-dritt imexxi. Bħalma huwa stipulat f’dan l-Att, il-partit li jikseb il-maġġoranza f’elezzjoni lokali jingħata s-Sindikat u normalment is-Sindku jkun jew tkun l-aktar persuna bl-akbar ammont ta’ voti.
F’Ħal Għargħur kien il-PN li kiseb l-akbar ammont ta’ voti u kienet Helen Gauci li ħadet il-mandat ta’ Sindku għax il-poplu taha fiduċja assoluta. Din hija prattika demokratika li normalment tiġi rispettata bħalma ġara fil-każ ta’ Helen Gauci fil-Kunsill ta’ Ħal Għargħur wara l-elezzjoni tal-2024.
Il-mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku, tmur kontra l-vot tan-nies u ma għandha l-ebda bażi. Dan li ġara hawn, joħloq preċedent serju, u jipperikola l-vot tal-poplu f’kull Kunsill Lokali li hemm maġġoranza ta’ siġġu wieħed. F’kull każ simili, fejn it-tmexxija ma tirriflettix il-vot popolari, tkun qiegħda tiġi mwarrba s-setgħa tal-vot demokratiku li f’dan il-pajjiż irridu nsaħħuh u mhux indgħajfuh.
Mhu ġust qatt, u mhu demokratiku qatt li kunsillieri eletta f’isem partit taqsam ma’ partit ieħor biex twaqqa’ Kunsill li kiseb maġġoranza assoluta. Dan li ġara hawnhekk, iqajjem mistoqsijiet serjissimi dwar ir-rappreżentanza politika u l-lealtà lejn il-votanti. Il-prinċipju fundamentali tad-demokrazija huwa bażat fuq il-maġġoranza, u ebda liġi ma għandha tagħti lok biex dan il-prinċipju jkun immanipulat.

Demokrazija vera tfisser li tirrispetta r-rieda tan-nies
Il-kwistjoni għalhekk għandha żewġ perspettivi: waħda legali u oħra etika. La darba l-liġi ma żżommx lill-kunsillieri marbutin mal-partit tagħhom wara li jiġu eletti, jistgħu jibdlu l-alleanza politika tagħhom. Il-liġi lanqas ma tipprojbixxi li jinbidel sindku permezz ta’ vot mill-ġdid fil-Kunsill.
Madankollu, (u din il-‘madankollu’ hija importanti ħafna!) il-prinċipju fundamentali tad-demokrazija jiddetta li min iġib l-aktar voti skont ir-rieda tan-nies għandu jmexxi dejjem u f’kull ċirkostanza. Il-poplu vvota lil Helen Gauci u lill-Partit Nazzjonalista u għalhekk il-Kunsill Lokali ma għandu qatt jitmexxa mill-Partit Laburista! Interessanti li l-Partit Laburista jaf li ma għandux mandat u fiduċja tal-elettorat tant li ma jridx imur għal elezzjoni lokali f’Ħal Għargħur.
Hawnhekk nidħlu fid-dimensjoni morali: għandu jkun aċċettabbli li l-vot tal-poplu jiġi mċaħħad b’alleanzi politiċi ta’ wara l-elezzjoni? Għandhom kunsillieri li ngħataw mandat taħt il-bandiera ta’ partit jaqilbu l-partit u jwaqqgħu Kunsill? Bla dubju, is-sens morali jiddetta li le. Imma la darba dan huwa possibbli, il-liġi tħalli lok għall-abbuż. Il-Partit Laburista qiegħed hawnhekk jimmanipula l-moralità elettorali u jilgħab bil-liġi skont kif jaqbel lilu biex jisraq mandat Nazzjonalista ċar u ovvju.
L-argument tagħna bħala Partit Nazzjonalista huma validi għal kollox. Jekk irridu nemmnu fid-demokrazija, irridu nagħrfu li r-rieda demokratika ma għandha qatt tiġi mċaħħda għax il-poplu jivvota biex jagħżel lil min imexxih. Fl-aħħar mill-aħħar, demokrazija vera tfisser ukoll li tirrispetta r-rieda tan-nies. Ċertament wasal iż-żmien li l-liġi tkun emendata biex tirrispetta dejjem ir-rieda tal-vot fl-elezzjoni.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 21 ta’ Mejju, 2025.