Opinjoni

OPINJONI: L-aġenda hi l-verità

mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister
 għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

1. Għala wieħed jistaqsi lilu nnifsu għaliex qed naraw tant mossi ta’ aljenazzjoni li qed isiru b’ċertu veloċità u f’direzzjonijiet differenti.
Ma jidhrux li huma parti minn xi programm ta’ riforma elettorali imma huma iktar punti li qed jitqajmu biex il-poplu jiddiskutihom. Ma jibqgħux konċentrati fuq dak li għaddej mhux fil-Parlament imma fil-Qorti.
Jum wara l-ieħor għal dawn il-ġimgħat qed jingħadu fatti, dettalji u opinjonijiet varji li fil-verità qed imissu ma’ dak li ftit kienu jemmnu li jista’ jkollna f’pajjiżna.

Ġuri
2. Hu iktar ċar li l-Gvern qiegħed isib ruħu jrid iwiegeb moralment u politikament fuq dak li qed jiġi skopert. Il-ġuri li fih qed jiġu trattati l-omiċidji… l-ewwel tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia u wara tal-Avukat Carmel Chircop. Dan hu ġuri li qed jiġbed ħafna attenzjoni.
Diġà l-ġurijiet minnhom infushom kif diversi gazzetti jgħidulek jinqraw u jiġu miflija fid-dettalji, imma dawn aktar. Hemm verament il-fatt li każ “tħallat” ma’ ieħor qisu jkun hemm min jieħu l-impressjoni li xi wieħed hu inqas importanti mill-ieħor.
Imma fil-verità l-effett fil-poplu hu ikbar. Hemm diversi li jirrealizzaw li l-livelli tas-sigurtà fl-Istat naqas. Jifhmu li kien hemm mument fejn bnedmin waslu biex għall-interessi varji joqtlu persuni oħra bl-iktar metodi koroh u kundannabbli.
Tista’ jkollok xi opinjoni żbaljata dwar il-ġurnalisti u l-avukati, imma ma tista’ qatt taħt ebda kappa tax-xemx tiġġustifika li jinqatlu.

Dan hu
3. Dan hu li qiegħed idejjaq lill-poplu jum wara jum. Dan hu li l-poplu jiddiskuti. Dan hu li qiegħed jolqot fil-laħam il-ħaj lill-Gvern u dan għax diversi qed iħossu li dak li seħħ ma ngħatax l-importanza li ħaqqu.
X’ġara qabel u x’ġara fid-diversi seduti li kien hemm fil-ġbir tal-provi nġabar fis-subkonxju li issa f’daqqa qiegħed iqajjem domandi varji.
L-iktar kruċjali hu f’kemm dawn huma gravi u f’kemm il-Gvern għamel minn kollox biex iċekkinhom.
Issa, però, il-mument hu inevitabbli u minn dak li qiegħed jingħad għad fadal jiem twal oħra ta’ dettalji. Proprju f’dan wieħed jifhem għala qed nisimgħu b’affarijiet oħra.

Inbiddlu d-diskors
4. Dan apparti mill-kwistjoni tal-iskema tal-Passaporti li wriet ukoll li l-Gvern ma kellux ħafna raġun fuq dak li kien qal lill-poplu. Imma anki jekk mhux hekk, il-fatt hu ċar għax f’dan bdejna l-ewwel b’kampanja ma tispiċa qatt biex il-pajjiż jiddiskuti l-introduzzjoni tal-ewtanasija, meta nafu kemm hawn opinjonijiet dwar dan u kemm ser tkompli ġġib diviżjoni fi ħdanha.
Inkella wara li rridu niddikjaraw li se nħaddmu l-Att dwar iz-Zona Ekonomika Esklussiva meta nafu kemm hi strument legali delikat li jrid jiġi wżat b’attenzjoni u bi qbil ma stati oħra madwarna fil-Mediterran.
Inkella l-aqwa fil-loġika tal-illoġika li wieħed jiddikjara li ssir elezzjoni ġenerali bikrija jekk il-Partit Nazzjonalista jbiddel il-Kap tiegħu. Hemm min qiegħed jieħu l-impressjoni li hemm min qiegħed jikkumbatti sew biex ma jitlifx iktar mir-reputazzjoni.

Fejn sejrin
5. F’dan wieħed għandu jifhem aktar fejn ninsabu u x’passi għandhom jittieħdu. Ċertament wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-aġenda tal-Gvern mhix tal-Oppożizzjoni.
Anzi hawn hu evidenti li l-Gvern jiddependi u għandu bżonn ta’ diversi oħrajn u tal-Oppożizzjoni biex imexxi ’l quddiem din l-istrategija ta’ aljenazzjoni.
Għax f’dan wieħed ikun qiegħed jibdel dak li bħalissa kulħadd irid jifhem li ġara. Pajjiżna mhux aljenazzjoni għandu bżonn imma li tingħadlu u li jsir jaf aktar il-verità.
Dik li fuqha tista’ titlaq biex dak li seħħ ma jerġax iseħħ u tibni stat demokratiku aqwa milli għandna llum.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 18  ta’ Mejju, 2025.