Albert Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fil-Parlament li teżisti problema kbira ta’ sfruttament a’ ħaddiema Maltin u barranin.
Hu qal li l-gvern qiegħed jipproponi numru ta’ miżuri biex inaqqas l-abbużi u l-isfruttament tal-ħaddiema, b’mod partikolari ta’ dawk il-ħaddiem barranin li jinsabu jaħdmu fostna. Indirettament il-Gvern Laburista qiegħed jikkonferma dak li diversi msieħba soċjali u l-PN qal diversi drabi. Għal diversi drabi, inġibdet l-attenzjoni tal-Gvern fuq numru ta’ abbuzi li qegħdin iseħħu fuq il-ħaddiema, b’mod partikolari dawk barranin.
Għalkem fil-bidu tas-sena kien hemm emendi fuq il-ligi ‘equal work, equal pay’, xorta għad hemm kazijiet li mhumiex il-każ. Hemm ħaddiema li jingħataw kuntratt tax-xogħol li fuq il-karta hemm numru ta’ kondizzjonijiet u paga mod, imma fir-realtà ikun mod ieħor. Ħaddiema li ma jingħatawx il-ktieb tax-xogħol, allura jaħdmu b’mod illegali.
Hemm ħaddiema li mhux biss ingħataw paga minima imma ttieħed commission fuq kull siegħa mill-agenżija. Tiġdid tal-kuntratt li jrid iħallas ‘administrative fee’ u saħansitra jiġu mhedda li jekk ma jaċċettawhx, allura jispiċċaw bla xogħol u allura jiġu deportati minn pajjiżna.
Hu qal li wara li l-Gvern ippromova l-kultura u l-mentalità ta’ sfruttament, issa ser jipprova jagħmel xi ħaġa. Il-mudell ekonomiku li l-Gvern Laburista għażel f’dawn l-aħħar 12-il sena kien propju mibni fuq il-prinċipju tal-kwantità fuq il-kwalità. Fih innifsu dan il-prinċipju huwa propju mibni fuq l-isfruttament.
Albert Buttigieg qal li għalkemm l-ekonomija sejra tajba u l-GDP huwa b’saħħtu, imma f’parti dan huwa mibni fuq l-isfruttament ta’ numru ta’ ħaddiema. F’dawn it-12-il sena, il-gvern ma fetaħx niċċa ekonomika waħda li hija waħda ħlief li ħeġġeġ iċ-cheap labour.
Għal kuntrarju tan-niċċeċ ekonomiċi li kienu nħolqu fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti, il-ħaddiema barranin jibagħtu d-dħul tagħhom f’pajjiżhom.
Dan qiegħed iwassal mhux biss ta’ telf ta’ dħul lil pajjiżna, imma għaliex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jibagħtu kemm jistgħu lil familji tagħhom, qegħdin jispiċċaw jgħixu bil-kemm. Fil-fatt, qed jinħoloq faqar ġdid magħmul minn dawn il-persuni. Mhux l-ewwel darba naraw dawn il-barranin jiftħu l-boroż taż-żibel u jfittxu fl-iskips tal-ħwejjeġ.
Hemm ukol min spiċċa jgħix f’apartmenti substandard flimkien ma’ oħrajn jew saħanistra għaliex ma jistax jaffordja l-kera, spiċċaw jorqdu barra. Hemm ukoll xi wħud li qegħdin jispiċċaw jieklu f’diversi soup kitchens li fetħu dan l-aħħar.
Filwaqt li kkundanna l-isfruttament tal-ħaddiema, Albert Buttigieg qal li donnu xi numru ta’ Maltin iħarsu lejn dawn il-persuni jew ħaddiema bħala l-pastaża tagħna.
Hu qal li dawn il-ħaddiema jinsabu mhedda. Imma dan it-theddida qed isir ukoll fuq ħaddiema Maltin. Mhux l-ewwel darba ħaddiema Maltin meta jiġu biex jitolbu li jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol u paga aħjar, ir-risposta li jkollhom hija ‘take it or leave’. Dan qed iwassal biex diversi ħaddiema Maltin ma jistgħux jimxu ‘l quddiem bil-karriera u x-xogħol tagħhom.
Hawn kumpaniji u employers li huma serji, li jirrispettaw lill-ħaddiema tagħhom. Hawn employers li għalihom il-ħaddiema barranin saru parti mill-familja tagħhom u fi żmien il-Covid 19 raw kif għamlu biex jagħtuhom sostenn u appoġġ.
Hu qal li jemmen bis-sħiħ li d-dinjità ta’ kull persuna u kull ħaddiem għandha tkun imħarsa. Il-mudell ekonomiku li għażel dan il-Gvern huwa mudell li jagħti ħafna lok biex ikun hemm sfruttament għaliex huwa mibni fuq il-kwantità u l-profit akkost ta’ kollox.
//= $special ?>