F’Marzu tal-2025 l-awtoritajiet Belġjani kienu diġà qed jinterrogaw numru ta’ MEPs b’rabta mal-każ
Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard ħeba mill-Prim Ministru Robert Abela il-fatt li kienet irranġata laqgħa mal-kumpanija Ċiniża Huawei.
Lura f’Marzu il-midja internazzjonali kienet diġa’ qed tirrapporta li l-awtoritajiet Belġjani kienu qed jinvestigaw numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej b’rabta ma’ allegat tixħim mill-istess kumpanija. U minkejja li saħansitra l-kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores kien kiteb dwar dan l-iskandlu, u bil-Partitarji Laburisti jitolbu li ssir investigazzjoni bir-reqqa – Daniel Attard fl-ebda mument ma’ ħass il-ħtieġa li javża lill-Prim Ministru li hu wkoll kien iltaqa’ magħhom 5 xhur u nofs qabel.
Meta Net News staqsa lill-Prim Ministru kienx jaf b’din il-laqgħa, Abela qal li le.
Apparti minn hekk, bi kliemu stess, il-Prim Ministru inqabad li it-Tlieta prova jqarraq bil-ġurnalisti…meta prova jimplika li Daniel Attard ma mar għall-ebda laqgħa mal-Huawei.
U filwaqt li ammetta li l-laqgħa saret, bħal ma kkonferma l-istess Daniel Attard fil-kitba tiegħu fuq Facebook, ironikament il-Mexxej Laburista stqarr li Attard ġie konxju ftit tal-jiem ilu u mhux xahrejn ilu, meta l-awtoritajiet Belġjani bdew jieħdu l-passi fil-konfront tal-MEPs b’rabta mal-istess każ.
B’Abela, minkejja li huwa ċar li Attard ħbielu, qed jibqa’ jgħid li jkun f’kuntatt kontinwu miegħu.
Dan kollu wara li fid-19 ta’ Mejju, l-MEP Laburista Daniel Attard żvela li l-Awtoritajiet Belġjani kienu qed jitolbu biex titneħħilu l-immunità parlamentari b’rabta ma’ każ li qed jiġi deskritt fost oħrajn mill-Euronews bħala “suspett ta’ prattiċi korrotti”. Attard spjega li fil-25 ta’ Settembru kien mistieden mill-Assistent Parlamentari tiegħu biex imur jara loghoba tal-Europa League bejn Anderlecht u Ferencvaros f’box – u skont Attard hu ma kellux idea li l-biljetti u l-box kienu relatati mal-kumpanija Huawei.
Madanakollu fl-istess waqt ammetta li tul il-partita tkellem dwar it-tema tal-Huawei u ġimgħatejn wara kellu laqgħa fi Strasburgu fuq is-suġġett. B’Abela, wara li pprova jilgħabha li din il-laqgħa ma saritx, issa jrid inaqqas il-gravità tal-allegazzjonijiet li qed jammetti għalihom Attard stess – u ssokta juża l-latin u diskors legali biex jittanta jikkalma l-ibħra u l-inkwiet li spiċċa fih l-MEP Laburista.
Issikat fuq il-fatt li Daniel Attard kien skeda l-laqgħa waqt din il-partita futbol, liema laqgħa huwa nnifsu stqarr li attenda għaliha ftit tal-jiem wara fi Franza, il-Prim Ministru wieġeb b’mod mill-aktar dispreġjattiv fil-konfront tal-ġurnalisti.
//= $special ?>