Lokali

“Sejjaħ elezzjoni fil-Għargħur illum qabel  għada, roddu lura dak li sraqtulna” – Dorian Sciberras

Huwa biss il-poplu tal-Għargħur li għandu d-dritt jagħżel min imexxih. Sejjaħ elezzjoni fil-Għargħur illum qabel għada, roddu lura dak illi sraqtulna. Hekk biss tista’ ssir ġustizzja mar-residenti tal-Għargħur.

Hekk sostna Dorian Sciberras, is-Sindku tal-Iklin, waqt ir-rally ta’ solidarjetà fil-Għargħur fejn inkoraġixxa lil dawk kollha preżenti biex isemmgħu leħinhom kontra l-inġustizzja. Sciberras żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista qiegħed mal-poplu u se jibqa’ mal-poplu għax il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-poplu.

Is-Sindku tal-Iklin stqarr li dak li seħħ fil-Għargħur fl-14 ta’ Mejju jweġġgħu ħafna għax dak li ġara jikkalpesta dak kollu li jemmen fih il-Partit Nazzjonalista; ir-rispett lejn iċ-ċittadin u r-rispett lejn id-demokrazija.

Hu fakkar li inqas minn sena ilu, il-poplu tal-Għargħur għażel lil Helen Gauci u l-Partit Nazzjonalista kiseb maġġoranza ta’ voti ta’ 62.3%, u għalhekk qatt ma jista’ jkun ġustifikat li l-Partit Laburista b’minoranza ta’ 37.7% ikollu t-tmexxija ta’ dan ir-raħal.

B’dan kollu għalhekk juri li sfortunatament huwa biss il-Partit Nazzjonalista li verament jemmen fil-Kunsilli Lokali, u dan għax għall- Partit Nazzjonalista  fic-centru tal-politika hemm ic-cittadin.

Dan b’kuntrarju għall-Partit Laburista li skartaw kompletament ir-rieda tal-poplu tal-Għargħur.

Dorian Sciberras, temm d-diskors tiegħu billi wassal żewġ appelli; wieħed  lir-residenti tal-Għargħur biex ma jibqgħux siekta quddiem dak kollu li qed jiġri, u appell ieħor lill-Partit Laburista biex jekk ma jirrispettax lill-avverarju politku tiegħu almenu jirrispetta liċ-ċittadini u lil dak li suppost qed jagħti servizz.