Lokali Unjoni Ewropea

Skiet totali mill-MEP Laburista Thomas Bajada wara l-iskandlu li fih hemm implikat Daniel Attard

Kien biss Alex Agius Saliba li qabeż għalih

L-MEP Laburista Thomas Bajada ma jridx imiss mal-każ serju ta’ sieħbu Daniel Attard – skandlu li qed ikun investigat mill-Pulizija Belġjana, b’riżultat li tneħħietlu l-immunità Parlamentari.

L-iskandlu ta’ korruzzjoni tal-Huawei jinvolvi allegat tixħim ta’ assistenti u anke MEPs fil-Parlament Ewropew permezz ta’ rigali li jinkludu vjaġġi u inviti regolari għal logħob tal-futbol biex min-naħa tagħhom dawn jinfluwenzaw deċiżjonijiet politiċi li jaġevolaw interessi kummerċjali fuq livell Ewropew. L-iskandlu jinvolvi wkoll ħasil ta’ flus.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, l-MEP Laburista Daniel Attard ikkonferma li mar jara logħba futbol tal-Europa League fi private box ta’ din il-kumpanija. Waqt il-partita, kienu semmewlu s-suġġett Huawei – u wara, aċċetta li jiltaqa’ magħhom. Bl-investigaturi jorbtu dan il-każ ma’ potenzjal ta’ tixħim fuq l-istituzzjonijiet Ewropej.

Ilbieraħ, Alex Agius Saliba ħareġ għonqu għal Daniel Attard. Iżda minn naħa ta’ Thomas Bajada kien hemm biss skiet assolut – la wieġeb id-domandi tagħna, u lanqas għamel xi forma ta’ dikjarazzjoni jew stqarrija fuq il-midja soċjali.

Id-domandi ta’ Net News

– Int tikkundanna dak li għamel Daniel Attard?

– Meta aċċetta li jiltaqa’ magħhom fil-private box, ma staqsiex ma’ min se jiltaqa’ u dwar xiex?

– Int ġieli ltqajt mal-Huawei?

– Int ġieli aċċettajt stediniet minn kumpaniji privati biex tara logħbiet tal-futbol jew vjaġġi b’xejn?

Net News talbu tweġiba sal-bieraħ fil-5pm. Iżda l-MEP Laburista baqa’ ma weġibx.