Futbol Sport

Sliema Wanderers jiffirmaw lil Thiaguinho u lil Luke Montebello f’temp ta’ ftit sigħat

Thiaguinho u Luke Montebello huma l-ewwel żewġ akkwisti ta' Sliema Wanderers
Thiaguinho u Luke Montebello huma l-ewwel żewġ akkwisti ta' Sliema Wanderers

Jekk hawn min qed jaħseb li wara nhar il-Ħadd li għadda, fit-tmiem tal-finali tal-Meridianbet FA Trophy bdew ftit jiem ta’ mistrieħ għall-klabbs fil-ħidma tagħhom, qabel il-bidu tal-istaġun ġdid, allura kien sejjer żbaljat. Veru każ li fil-futbol m’hemm l-ebda żmien jew perjodu ta’ mistrieħ, anke meta jkun għadu kemm intemm staġun.

Sliema Wanderers bħalissa huma l-akbar eżempju, hekk kif skont l-aħħar rapporti li żvelati mill-paġna popolari ta’ Replay fuq Facebook, kien ikkonfermat li fl-aħħar sigħat, anke jekk il-kampanja akkwisti tas-sajf għadha mhux miftuħa uffiċjalment, il-blues diġaà aċċertaw l-akkwist ta’ żewġ plejers li kienu mingħajr kuntratt jew fit-tmiem tal-kuntratt tagħhom mal-klabb li kienu qed jilagħbu miegħu fl-istaġun li għadu kemm intemm.

L-attakkant Luke Montebello diġà tħabbar f’sezzjoni ta’ midja oħra f’pajjiżna, li ssieħeb ma’ Sliema Wanderers. L-iskorer prolifiku kien inħall mill-kuntratt tiegħu minn ma’ Ħamrun Spartans mit-18 ta’ Marzu li għadda, wara li dan spiċċa f’tilwima mal-klabb tiegħu wara argument li hu kellu fit-tmiem ta’ partita tal-Malta Premier ma’ partitarju tal-istess klabb. Hu mifhum li għal Montebello kien hemm interess minn numru ta’ klabbs, u l-internazzjonali Malti fl-aħħar sigħat laħaq ftehim u ffirma kuntratt ma’ Sliema Wanderers.

Iżda fl-aħħar sigħat, il-klabb taħt il-Presidenza ta’ Keith Perry, fetħu uffiċjalment is-suq tat-trasferimenti bil-kbir, anke jekk dawn l-akkwisti għadhom ma tħabbrux b’mod uffiċjali mill-klabb, meta f’temp ta’ ftit sigħat akkwistaw ukoll it-tieni plejer. Skont dak li qed tirrapporta dalgħodu l-paġna ta’ Replay fuq Facebook, Sliema Wanderers laħqu ftehim u ffinalizzaw l-akkwist ukoll ta’ Thiago Espindola de Paula, magħruf aħjar bħala Thiaguinho.

Id-difensur laterali ta’ fuq ix-xellug, ilu erba’ snin ma’ Gżira United, u għadu kemm għalaq 32 sena. F’Malta hu kien wasal l-ewwel fis-sajf tal-2017, fejn lagħab ma’ Ħamrun Spartans u reġa’ irritorna Malta biex jilgħab ma’ Sirens qabel eventwalment lagħab ma’ Gżira United.

Tul dawn l-aħħar erba’ staġuni, hu lagħab viċin is-70 partita ma’ Gżira United fil-Kampjonat Premier, b’total ta’ 84 partita mal-maroons fid-diversi kompetizzjonijiet li hu lagħab magħhom, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-FA Trophy.

B’kollox hu lagħab 129 partita fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti ma’ tliet klabbs differenti, bil-Brażiljan skorja total ta’ għaxar gowls.

Fl-istess rwol ta’ Thiaguinho, Sliema Wanderers diġà għandhom lill-internazzjonali Malti, Myles Beerman li dan l-istaġun kien wieħed mill-aqwa għalih, iżda jidher li bl-akkwist tal-Brażiljan ta’ 32 sena, il-kowċ Paul Zammit irid isaħħaħ l-alternattivi f’dan id-dipartiment tal-pitch, b’Thiaguinho kapaċi jilgħab ukoll fir-rwol ta’ winger offensiv fuq ix-xellug.