Lokali Qorti

Tliet snin ħabs għal raġel bi problema tad-droga wara li hedded lil ommu li se joqtolha

Raġel ta’ 44 sena residenti Ta’ Xbiex bi problema ta’ droga ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li beżża’ u hedded lil ommu anzjana fejn qalilha li kien se joqtolha. Kenneth Zammit instab ħati mill-Maġistrat Abigail Critien ta’ vjolenza domestika fuq ommu u li kkaġunalha biża’ li tista’ ssir vjolenza fil-konfront tagħha.

Fis-sentenza, il-Qorti appellat biex issir bidla fil-mod kif isir l-assessjar tar-riskju f’każi ta’ vjolenza domestika fejn il-partijiet ma jkunux f’relazzjoni intima. Kenneth Zammit, li kien jgħix m’ommu f’Ta’ Xbiex, instab ħati li fit-18 ta’ Jannar li għadda u fiż-żmien ta’ qabel, għadda lil ommu minn tbatija fiżika jew mentali, li ġiegħla tibża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li taha fastidju, u heddidha.

Il-Qorti semgħet kif omm l-akkużat marret tirrapportah fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija. Il-mara qalet li binha ilu jabbuża mill-eroina sa minn meta kellu 16-il sena, u li ġimgħat qabel kien qed jitlobha l-flus bejn darbtejn u tlieta fil-ġimgħa, u kienet anki tatu l-flus biex imur joqgħod f’hostel, iżda reġa’ ġie lura u beda jdaħħal nies id-dar li ma tafhomx.

Qalet li dakinhar kienet marret tqajmu filgħodu biex joħroġ, u meta baqgħet tiffittah qalilha biex ma tgħajjatx jekk ma tridux jirrabbja. Qalilha li jekk tkompli kien se jaqbad jagħtiha b’sikkina sakemm joqtolha. Qalet li ħassitha xxukkjata b’dak il-kliem u fetħet il-bieb ta’ barra għax bdiet tibża’, iżda hu beda jerġa’ jagħlqu.

Qalet li wara dan l-episodju marret tgħix f’post ieħor għax bdiet tibża’ minnu, u minn dak iż-żmien qatt ma reġa’ għamel kuntatt magħha. Il-Qorti osservat li minflok ħarġet bil-pensjoni, l-omm baqgħet taħdem biex issostni lilu u lil ibnu ta’ 10 snin, mentri hu ma jaħdimx.

Test tal-urina li ttieħed lil Zammit ħareġ pożittiv għall-kokaina, opiates, u buprenorphine. Il-Qorti qieset l-assessjar tar-riskju li sar mill-ħaddiema tal-Aġenzija Appoġġ, li fil-Qorti spjegaw li ma ntużatx sistema ta’ punteġġ biex tikklasifika l-livell ta’ periklu tal-vittma, peress li l-vittma u l-aggressur ma kinux f’relazzjoni intima, u li l-għajnuna offruta kienet biss mil-lat psikoloġiku u emozzjonali, u mhux għal fini ta’ prosekuzzjoni.

Il-Qorti qalet li l-omm sofriet vjolenza domestika minn binha fuq medda ta’ żmien li huwa ċar li ħalla effett psikoloġiku akut fuqha, allura ma tistax tifhem ir-raġuni għalfejn issir distinzjoni fl-operat u kif l-allegati vittmi jiġu trattati.

Din hija prassi li Din il-Qorti tara li ma tagħmel ebda sens legali, toħloq distinzjoni inutili bejn l-allegati vittmi u aktar minn hekk toħloq anomalija għaliex ma jkun hemm ebda dokument li jagħti ħjiel ta’ dak kollu li tkun stqarret l-allegata vittma waqt tali assessment.

Il-Qorti appellat biex issir riforma ħalli każijiet ta’ vjolenza domestika jkunu trattati bl-istess mod, u ma tibqax tingħata l-impressjoni li każijiet li ma jinvolvux koppja f’relazzjoni intima huma inqas serji minn oħrajn.

Meta ġiet għas-sentenza, il-Qorti sabet lil Zammit ħati għall-akkużi kollha u kkundannatu tliet snin ħabs effettivi. Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-omm għal perjodu ta’ tliet snin, poġġiet lil Zammit taħt Ordni ta’ Trattament għal ħames snin, u ordnat li jkun assenjat uffiċjal tal-probation biex jirrapporta dwaru kull tliet xhur.

Għal Zammit dehret l-Avukat Yanika Bugeja filwaqt li bħala parte civile dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.