Lokali Parlament

36 eżenzjoni mill-iskola

Jirriżulta li minn Settembru 2020 sal-lum, sa din is-sena, ingħataw b’kollox 36 eżenzjoni. Dan ifisser li 36 tifel jew tifla ma attendewx skola f’dawn l-aħħar ħames snin għax kienu skużati u kellhom il-permess biex ma jattendux skola.

Jirriżulata li f’Settembru 2020 ingħataw erba’ eżenzjonijiet; fl-2021 ingħataw disgħa u fis-sena ta’ wara l-eżenzjonijiet żdiedu għal 10. Jirriżulta wkoll, u dan kien konfermat mill-Ministru Clifton Grima fil-Parlament, li 11-il eżenzjoni ngħataw fl-2023 u s-sena li għaddiet ingħataw tnjen.

Dwar kemm tfal fl-età ta’ 15-il sena ngħataw eżenzjonijiet ingħatat fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ li staqsiet lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jgħid kemm inħarġu minn dawn l-eżenzjonijiet bejn 2020 u l-2024, maqsuma għal kull sena.

It-talbiet kollha għall-eżenzjonijiet jintbagħtu u jiġu approvati mid-DIER. Hekk kif toħroġ l-eżenzjoni jkunu mmarkati bħala eżentati fuq l-MIS. F’każ li l-istudent ikollu diffikultajiet soċjali jsir kuntatt ma’ servizzi jew professjonisti oħra involuti. L-eżenzjonijiet jinħarġu biss għal dawk l-istudenti li jkunu għalqu 15-il sena.