Lokali Qorti

36 xahar ħabs fuq serq ta’ flus u iPhone waqt ġlieda

Żagħżugħ ta’ 25 sena kien ikkundannat 36 xahar ħabs mill-Maġistrat Abigail Critien, wara li ammetta li seraq flus u iPhone, u li darab ħafif lill-vittma waqt ġlieda. Abdil Fila, li huwa Franċiż, instab ħati li wettaq dawn ir-reati fis-sigħat bikrin tal-1 ta’ Mejju li għadda, fix-Xatt ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.

Il-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha qieset li l-ammont misruq kien ta’ €170 fi flus kontanti u l-mobile kien jiswa €759, u li l-ammont totali ta’ €929. Qieset ukoll li ż-żagħżugħ kellu kondotta nadifa u ammetta fl-iktar stadju bikri.

Il-Qorti qalet li minkejja dawn l-elementi flimkien jagħtu lill-akkużat opportunità tajba biex igawdi minn sentenza sospiża, il-liġi tistipula li min iwettaq serqa li matulha jweġġa’ lil xi ħadd ħafif għandu jeħel minn sentejn sa ħames snin ħabs.

Skont il-liġi wkoll, meta serq ikun ikkwalifikat bil-vjolenza, bil-valur u bil-ħin, bħal dan il-każ, il-piena ma tistax tingħata fil-minimu tagħha, jiġifieri sentejn ħabs. Il-liġi tiċċara wkoll li sentenza sospiża tista’ tiġi applikata biss f’każ li s-sentenza ta’ ħabs tkun ta’ mhux iżjed minn sentejn, u allura f’dan il-każ ma tistax tingħata.

Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti ddikjarat li hija kostretta tagħti piena ta’ ħabs effettiva. Fl-istess serqa kien hemm involut ġuvni Franċiż ieħor, Matteo-Giuseppe Fortuna Johan Tallarico ta’ 20 sena, li f’kawża separata ammetta li seraq beritta tad-ditta LA lill-istess vittma. Huwa kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn.