Mit-12-il tim tal-Malta Premier għall-istaġun li ġej, hemm numru ta’ klabbs li għadhom ma kkonfermawx b’mod uffiċjali t-tmexxija teknika. Dan ifisser li bħalissa numru ta’ klabbs għadhom qed jikkonkludu l-parti teknika, ta’ min se jkun il-kowċ u l-bqija tal-istaff tiegħu fit-tmexxija tal-iskwadra għall-istaġun 2025/26.
Wieħed jifhem li għandha tkun l-ewwel deċiżjoni li kwalunkwé klabb jara li jikkonkludi biex minn hemhekk ikun jista’ jieħu l-bqija tad-deċiżjonijiet l-oħra.
Skont l-aħħar rapporti żvelati mill-paġna ta’ Replay fuq Facebook, jidher li tal-anqas żewġ klabbs tal-Malta Premier qed juru interess fl-eks captain tat-tim nazzjonali Malti, André Schembri fir-rwol ta’ kowċ. Schembri għadu kemm temm b’suċċess il-UEFA Pro License, li hija l-ogħla kwalifika ta’ coaching fil-futbol professjonali Ewropew. Din il-liċenzja hija rekwiżit obbligatorju biex taħdem bħala kowċ fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti u fil-kampojonati oħra ewlenin fl-Ewropa.
L-istaġun li għadda, Schembri, li kien għadu mingħajr il-liċenzja tal-UEFA Pro, kien beda l-istaġun bħala kowċ ta’ Anagen Derynias, fit-Tieni Diviżjoni ta’ Ċipru. Issa li kiseb din il-liċenzja, Schembri jista’ jassumi r-rwol ta’ kowċ fi kwalunkwé kampjonat f’pajjiż fl-Ewropa, inkluż fl-ogħla livell.
Schembri, li għandu 38 sena, u lagħab 94 partita mat-tim nazzjonali Malti u skorja tliet darbiet, ilu għal dawn l-aħħar snin jgħix f’Ċipru. Hu rtira minn plejer fit-tmiem tal-istaġun 2019/20, wara li lagħab għal staġun wieħed fis-Super League tal-Indja, ma’ Chennaiyin FC. Schembri, li tul il-karriera tiegħu bħala plejer għamel aktar minn 12-il sena jilgħab barra minn Malta, u f’kampjonati aħjar minn dak lokali, hu qatta’ kważi nofs dan iż-żmien tiegħu barra minn pajjiżna jilgħab fl-ogħla diviżjoni Ċiprijota.
Schembri jgawdi minn reputazzjoni tajba f’Ċipru, u minn informazzjoni li għandu Replay, jidher li preżentament hemm klabbs Ċiprijotti li qed juru interess li jkollhom lill-Malti bħala kowċ.
F’kummenti li ta lill-midja soċjali ta’ Replay, Schembri ma eskluda xejn, lanqas li jirritorna Malta wara 17-il sena u jkun kowċ ta’ klabb fil-Malta Premier, però stqarr magħna li f’dan il-mument għadu qed jikkonsidra l-alternattivi kollha, inkluż dawk li għandu f’Ċipru qabel jieħu deċiżjoni finali dwar il-futur tiegħu bħala kowċ.
//= $special ?>