Futbol Sport

Aniello Parisi mistenni jibqa’ fit-tmum tat-tmexxija teknika ta’ Żabbar St Patrick

Aniello Parisi mistenni jibqa' fit-tmexxija teknika ta' Żabbar St Patrick
Aniello Parisi mistenni jibqa' fit-tmexxija teknika ta' Żabbar St Patrick

Skont il-paġna ta’ Replay Facebook, Żabbar St Patrick ġeddew l-kuntratti ta’ tlieta mill-barranin u għamlu l-ewwel akkwist għall-istaġun il-ġdid 2025/26

Żabbar St Patrick mistennija jikkonfermaw b’mod uffiċjali li se jkunu qed iġeddu l-kuntratt tal-kowċ Taljan, Aniello Parisi. Il-kowċ ta’ 51 sena, issieħeb mat-tim Żabbari f’Ottubru li għadda. Il-ħatra ta’ Parisi, dak in-nhar bħala s-suċċessur tal-Portguiz João Janeiro, għenet biex Żabbar St Patrick dawru r-rotta tagħhom u sal-aħħar tal-istaġun, huma laħqu l-għan tagħhom li fl-ewwel sena tagħhom mar-ritorn tal-kbar tal-futbol Malti, il-klabb salva postu fil-Malta Premier. Dan tħabbar b’mod esklussiv mil-paġna ta’ Replay fuq Facebook.

Parisi mexxa lil Żabbar St Patrick f’27 partita, 25 minn dawn kienu partiti tal-Malta Premier. Ir-rekord tal-kowċ Taljan, bħala kowċ Żabbar fil-Kampjonat, kien ta’ disa’ rebħiet, ħames draws u 11-il telfa f’25 partita.

Taħt it-tmexxija ta’ Parisi, Żabbar St Patrick lagħbu futbol aktar offensiv, tant li fis-27 partiti li hu kien fdat bir-rwol ta’ kowċ (żewġ partiti minnhom konfronti tal-FA Trophy), it-tim Żabbari skorja 43 gowl u sofra 37 gowl.

Intant il-klabb diġa’ beda’ jaħdem biex jikkonsolida l-iskwadra għall-istaġun li jmiss, li se jkun it-tieni wieħed konsekuttiv fil-Malta Premier. Skont dak irrapurtat minn Replay, fl-aħħar jiem, l-amministrazzjoni Żabbarija laħqet ftehim ma’ tlieta mill-barranin li kienu parti mit-tim matul l-istaġun li għadu kemm intemm sabiex dawn ikollhom il-kuntratt tagħhom imġedded.

Il-winger lemini, il-Portugiz Diogo Tavares, id-difensur laterali ta’ fuq ix-xellug, il-Brażiljan, Vinícius de Paiva kif ukoll id-difensur ċentrali mis-Serbja, Strahinja Jovancic, it-tlieta li huma ffirmaw kuntratt ġdid ma’ Żabbar St Patrick u għalhekk ġew ikkonfermati għal staġun ieħor mat-tim li se jkun qed jerġa’ jitmexxa minn Parisi.

Mhux hekk biss, iżda sorsi viċin il-klabb ikkonfermaw ma’ Replay, li fl-aħħar sigħat, Żabbar St Patrick akkwistaw lid-difensur żagħżugħ Zean Leonardi, li kien fit-tmiem tal-kuntratt tiegħu ma’ Pietá Hotspurs. Hu mifhum li Leonardi se jitħabbar mill-klabb bħala l-ewwel akkwist tal-istaġun, b’kuntratt għal tliet snin.

Intant, il-prestazzjonijiet tajba li kellhom bosta plejers ta’ Żabbar St Patrick, patrikolarment fil-Closing Round tal-Malta Premier, laqtu l-għajn ta’ diversi klabbs lokali u barranin. Hu mifhum li l-klabb minn Nofsinhar tal-Lvant ta’ Malta, diġa’ kellhom talbiet għal tnejn mill-barranin tagħhom li huma marbuta b’kuntratt. Dawn huma Diogo Tavares, li għadu kemm estenda l-kuntratt tiegħu mal-klabb kif ukoll, l-eks plejer internazzjonali Arġentin taħt l-20 sena, Brian Gambarte.

It-tnejn li huma kellhom staġun tajjeb ma’ Żabbar St Patrick u m’hijix sorpriża li hemm interess lokali u lilhinn għal dawn it-tnejn. F’dan l-istadju m’hijix magħrufa x’posizzjoni se jkun qed jieħu l-klabb li hu mmexxi mill-President Fabio Muscat, iżda m’huwiex sigriet lanqas li għadu qed jiġi mgħejjun mill-eks President Żabbari, l-avukat Kevin Deguara.