Lokali Qorti

Il-ġurati jkomplu jsegwu filmati tal-interrogazzjoni tal-akkużati – ħafna mill-mistoqsijiet bla tweġiba

Il-ġurati fil-jum tal-Ħamis filgħodu komplew isegwu, bħalma għamlu fil-ġurnata ta’ qabel, diversi filmati tal-interrogazzjoni fid-depot fil-konfront tal-akkużati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop. Ħafna mill-mistoqsijiet magħmula mill-investigaturi baqgħu mhux imwieġba.

Wara li l-ġurati segwew bħal ġurnata ta’ qabel interrogazzjonijiet fid-depot bl-aħħar wieħed l-Erbgħa jkun ta’ George Degiorgio, l-istess investigaturi – l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Shawn Pawney – dehru jistgaqsu għadd ta’ domandi lil Adrian Agius (ritratt), li għal kull domanda magħmula beda jirrispondi “nagħżel li ma nweġibx.”

Arnaud beda jistaqsi lix-xhud fuq dak li kien qalilhom Vince Muscat “Il-Koħħu” x’kien żvela b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, fosthom li kien hu li ta l-indirizz tal-vittma lit-tliet akkużati kollha, li għaddew xi flus biex dan jinqatel u li kien jissikka lil George Degiorgio biex jagħmel dak li kellu jagħmel. Madankollu huwa baqa’ ma jwieġeb għal ebda domanda, ħlief li darba minnhom qal lill-investigaturi biex joqogħdu mal-istqarrija li kien ta lill-Pulizija.

Mistoqsijiet oħra kienu, dejjem bla tweġiba, jekk hu kienx siefer minn Malta fil-jum tal-qtil biex il-Pulizija ma jitfgħux għajnejhom fuqu u jekk kien hu kien ħallas għad-dgħajsa Maya ta’ George Degiorgio bħala parti mill-ftehim għall-qtil. Arnaud qallu li l-mistoqsijiet kienu qed isiru lilu biex il-Pulizija tisma’ żewġ qniepen, tiegħu u ta’ Vince Muscat li kien diġa ta l-verżjoni kollha tiegħu. L-intgerogazzjoni saret kollha fil-preżenza tal-Avukat ta’ Adrian Agius, Alfred Abela u Rene Darmanin.

Dan irriżulta meta kompla jixhed fil-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 tal-Qorti kontra erba’ rġiel, liema ġuri issa daħal fil-25 ġurnata tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015.

Fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.

Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.

Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Adrian Agius wieġeb biss waqt l-interrogazzjoni li joqgħod il-Mellieħa mat-tfajla tiegħu, iżda ma weġibx lanqas fejn jaħdem u x’karozza juża.

Huwa lanqas ma wieġeb għaliex fil-ġurnata ta’ qabel l-interrogazzjoni kien ma” ħuh Robert Agius. Mistoqsi fl-għeluq tal-interrogazzjoni jekk għandux xi ħaġa xi jżid, ix-xhud wieġeb fin-negattiv, bl-investigaturi jgħidulu li kien se jressquh fuq każ ta’ droga. Din l-interrogazzjoni kienet saret fl-24 ta’ Frar 2021.

Wara fuq il-monitor interwiet l-interrogazzjoni tal-akkużat Jamie Vella li saret fl-istess data. Hawn fil-filmat Jamie Vella jidher liebes qalziet u ġagaga bajda u liebes il-maskla, u dan peress li f’dan iż-żmien kien ġie ttestjat pożittiv għall-Covid.

Huwa kien mitkellem mill-istess investigaturi b’rabta maż-żewġ omiċidji inkwistjoni. U hawn Jamie Vella ingħad lilu x’kien qal “Il-Koħħu”. Vella qal li ilu jisma’ dawn l-allegazzjoni fuq il-midja u li b’ilsienu kulħadd jgħid li jrid. Mistoqsi jekk jafx lil Muscat, qal li jafu li huwa frodist mill-kbar. Huwa kkonferma wkoll li jaf lit-tliet akkużati l-oħra.

Vella beda jwieġeb għal kull mistoqsija li jinkludu fejn joqgħod u l-karozzi li għandu. Huwa deher xettiku jwieġeb jekk jinnegozzjax il-karozzi. Huwa ċaħad allegazzjoni li huwa għadda arma tan-nar lill-aħwa Degiorgio u lil “Koħħu” biex jużaw din l-arma. Minħabba li kien qed jixhed bil-maskla u l-akkustika ħażina li hemm fl-Awla 22 tal-Qorti, ħafna mix-xhieda ta’ Jamie Vella ma bdietx tinftehim.

Minn hemm ‘il quddiem iżda ma baqax iwieġeb għad-domandi mill-investigaturi.”Jekk ngħidlek li lill-aħwa Degiorgio kont int li ġibt il-bomba ma’ Ta’ Maksar biex inqatlet Daphne Caruana Galizia u li din kienet f’garaxx in-Naxxar, urejtuhom kif taħdem wara li ġibtuha minn barra.” It-tweġiba kienet nagħżel li ma nweġibx u eżatt wara qal lil Arnaud biex jistaqsi lilu (għal Koħħu).

Lanqas ma wieġeb li offrew lill-kunjatu ta’ Muscat biex huwa jkellem lil bintu dwar €1,500 fix-xahar offruti biex “il-Koħħu” ma jitkellimx mal-Pulizija. Hawn ix-xhud baqa’ ma jweġibx. Dwar Dr. Carmel Chircop fuq il-problema li kellu Adrian Agius miegħu, fuq €600,000 li kellu jagħti lill-avukat u li kien qed isus warajh.

Fuq li hu Jamie Vella għen lil dawk li kellhom id-dejn ma’ Chircop, għenhomx biex joqtlu lilll-avukat. U kemm tħallas u li kien hu li spara t-tiri fil-garaxx permezz ta’ revolver u dan peress li hu intiż fuq l-armi. Li avviċinahom Robert Agius, Muscat tħallas u George li kien qed isuq il-karozza tħallas ukoll. Li kienu jmorru għassa għal avukat fil-kumpless ta’ garaxxijiet. Dwar dan kollu Jamie Vella ma weġibx.

Hawn fil-filmat deher l-Assistent Kummissarju jistaqsi fuq ir-rotta li ħadu fil-qtil ta’ Carmel Chircop u x’interess kellu Vince Muscat li jikxef lilu u li wara l-qtil marru jbiddlu u minn hemm Jamie Vella ħeles mill-karozza, marru fejn it-Tiger Bar il-Marsa u rema’ l-arma hemm il-baħar. Hawn Jamie Vella dejjem baqa’ ma jweġibx.

“Qatt kellek xi tgħid mal-Koħħu”, qatt kellek xi problemi miegħu, int għedt li ma kontx tafu sew u allura dan għalfejn kellu jivvinta fuqek? Dan kien hemmhekk raha kollox. Allura għalfejn kellu jivvinta fuqek? Hawn Vella baqa’ ma weġibx. Mistoqsi jekk riedx iżid xi ħaġa minn jeddu, huwa wieġeb fin-negattiv.

Wara saru xi domandi lix-xhud, Keith Arnaud, fosthom fuq sett ta’ dokumenti li huma ‘google maps’ li kkaverjaw id-direzzjoni mill-Imsida sa Birkirkara sa triq l-14 ta’ Novembru, Santa Venera għal garaxx li kien intuża mill-akkużati b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Kien hemm immarkat f’dawn id-dokumenti fejn kienu s-CCTV’s li sar stħarriġ fuqhom.

Fil-kontro eżami li sar lil Arnaud, huwa qal li l-ewwel darba li Vince Muscat semmielu l-każ ta’ Carmel Chircop ma kienx fl-2020 u li fl-2018 kien kellmu dwar il-każ Daphne Caruana Galizia. Il-ftehim kien li jekk ma jingħatax il-proklama, dak li Muscat qal ma setax jintuża bħala evidenza.

Wara nofs inhar kompla l-kontro-eżami minn naħa tad-difiża fil-konfront ta’ Keith Arnaud f’ħafna każi fuq dak li qal “Il-Koħħu” lill-Pulizija u kif wasal għal ċerti konklużjonijiet. Ix-xhud kompla jikkonferma li meta wieħed jara x-xenarju kollu, Vince Muscat kien ta għajnuna kbira għall-investigazzjoni u grazzzi għalih waslu għal diversi arresti.

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop. Il-ġuri jkompli bħas-soltu l-Ġimgħa filgħodu fis-9am.