Il-Partit Nazzjonalista jesprimi kundanna bla riżerva għal dak li qed iseħħ bħalissa fil-medda ta’ Gaza.
Il-qtil indiskriminat ta’ tant eluf ta’ Palestinjani innoċenti, inkluż eluf ta’ tfal, huwa inaċċettabbli. Huwa inaċċettabbli wkoll li poplu sħiħ jitħalla bil-guħ u bil-għatx u mingħajr l-għajnuna bażika biex jintlaħaq għan politiku. Dan imur kontra l-liġijiet internazzjonali u fuq kollox kontra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.
Fi stqarrija, Beppe Fenech Adami, Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ; u s-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea; qalu li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li t-triq ’il quddiem għandha tkun il-paċi dejjiema bbażata fuq l-eżistenza u r-rispett reċiproku bejn l-Istat Iżraeljan u Stat Palestinjan.
Il-PN iħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jagħmel il-pass naturali li jmiss u jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina immedjatament.
Fin-nuqqas ta’ dan, kif stqarr il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilbieraħ fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela għandu jgħid x’qed iżommu milli jagħmel dan, u jispjega għalfejn qed isostni li għadu mhux il-mument opportun li jappoġġja l-ħolqien ta’ Stat Palestinjan. Dan, aktar u aktar meta d-Deputat Mexxej tiegħu Alex Agius Saliba jaqbel mal-pożizzjoni tal-PN u stqarr li l-Gvern Malti għandu jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan issa.
Il-Kap tal-PN ilbieraħ appella wkoll biex il-Parlament jagħmel dikjarazzjoni konġunta li jaqbel li għandu jkun hemm waqfien mill-ġlied u t-twassil immedjat tal-għajnuna umanitarja f’Gaza.