L-introduzzjoni ta’ destroyer ġdid għal mal-qawwiet marittimi tal-Korea ta’ Fuq kienet diżastru assolut minn aspett ċerimonjali u ta’ prestiġju – minbarra li ħalliet lir-reġim komunista umiljat u embarazzat.
Fil-fatt, id-dittatur Korean, Kim Jong-un, ikkritika bil-qawwi lill-uffiċjali għall-ħsarat li ġarrab dan il-bastiment f’ħin meta kien qed ikun varat waqt ċerimonja karatterizzata mis-soltu pompa militari ta’ dan il-pajjiż.
Tant kien mitluf Kim Jong-un, li hu fisser l-inċident bħala ‘azzjoni kriminali’ fost akkużi li ‘il-persuni responsabbli jridu jwieġbu għal traskuraġni assoluta’.
Il-Mexxej komunista kien attenda personalment għall-avveniment li sar fil-port ta’ Chongin, lejn il-grigal tal-Korea ta’ Fuq,
Mifhum li waqt li kien qed jintniżżel fil-baħar, il-bastment – li jiżen mal-5,000 tunnellata — inqaleb fuq ġenb kontra kull mistenni u bir-riżultat li partijiet minnu ġarrbu l-ħsarat sostanzjali….Dan waqt li Kim anki ħareġ litanija ta’ akkużi fil-konfront ‘tax-xjentisti u t-tarznari’ li, fi kliemu, iridu wkoll jerfgħu t-tort għal dan ‘l-inċident serju.’
Mhux magħruf kemm jistgħu jdumu t-tiswijiet fuq dan id-destroyer ġdid – bl-awtoritajiet komunisti lanqas ma jiżvelaw jekk setgħux irriżultaw il-vittmi u l-midruba.
//= $special ?>