Lokali Qorti

Il-Maġistrat Monica Vella sospiża minħabba nuqqasijiet amministrattivi

Il-Maġistrat Monica Vella ġiet sospiża minn dmirijietha wara lmenti dwar dewmien u nuqqasijiet amministrattivi. Vella appellat mid-deċiżjoni u għalhekk għadha sservi fuq il-bank tal-Maġistratura sakemm jiġi deċiż l-appell.

F’każ li titlef l-appell, hija tista’ tressaq kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex is-sospensjoni tiġi revokata. Is-sospensjoni ta’ Vella mistennija ddum madwar xahar, dejjem jekk din tidħol fis-seħħ. Is-sospensjoni hija marbuta ma’ nuqqasijiet amministrattivi, b’mod partikolari dewmien fil-ħruġ ta’ sentenzi bil-miktub wara deċiżjonijiet tal-Qorti.

Wara li tingħata sentenza fil-Qorti, il-ġudikant huwa fid-dmir li joħroġ is-sentenza bil-miktub, fejn jispjega r-raġunament wara s-sentenza u jirreferi għad-dispożizzjonijiet legali applikati fis-sentenza. Jidher li kien hemm sensiela ta’ fatturi li wasslu għal din is-sospensjoni, inkluż ammont ta’ xogħol sproporzjonat meta mqabbel man-nuqqasijiet fost xi membri tal-istaff tagħha, bħala kawża possibbli tad-dewmien.

Sa Frar li għadda, Vella kellha kważi 2,000 (elfejn) kawża kriminali jew tat-tribunal pendenti fil-konfront tagħha, ħafna aktar minn maġistrati oħra. Il-biċċa l-kbira minn dawn, li jammontaw għal aktar minn 1,400, kienu każijiet tat-tribunal iżda hija kienet qed tmexxi wkoll 141 inkjesta li għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat Vella diġà kienet ġiet skrutinizzata għal problemi amministrattivi simili fil-passat. Is-sena l-oħra, ingħatat ċanfira mill-Imħallef Lawrence Mintoff wara li uffiċjal tal-Qorti xehed li hija naqset milli tgħaddi l-fajls tal-każ tagħha.

Qabel ukoll il-Prim Imħallef Mark Chetcuti li kien assenja mill-ġdid il-każijiet kriminali u ċivili tagħha fil-Qorti ta’ Għawdex, fejn huwa mifhum li din il-mossa kienet dovuta minħabba dewmien.

L-Avukat Michael Sciriha qed iħares l-interessi tagħha legalment.