Lokali

Il-Partit Laburista mhux komdu b’investigazzjoni indipendenti fil-Għargħur

Il-Kunsillieri Laburisti fil-Għargħur pruvaw iwaqqfu mozzjoni imressqa mill-ex Sindku Nazzjonalista Helen Gauci. Dan wara li Helen Gauci stess ressqet mozzjoni sabiex l-Awditur Ġenerali jibda jinvestiga allegazzjonijiet li l-istess Partit Laburista ressaq fil-konfront tagħha.

Propju fl-ewwel laqgħa tal-Kunsil Lokali mindu l-Partit Laburista ħataf il-poter minkejja r-rieda tal-poplu tal-Għargħur, Helen Gauci resqet mozzjoni sabiex tappella lill-Awditur Ġenerali biex jagħmel l-audit mitlub fl-iqsar żmien possibbli ħalli tiġi kkonfermata l-verità. Dan wara l-akkużi bla bażi li għamel il-Labour fl-aħħar jiem.

Il-kunsillieri li serqu s-Sindikat bil-barka tal-Partit Laburista, għamlu diversi allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Gauci; però baqgħu ma ressqu l-ebda prova biex jissostanzjaw dak li qalu.

U issa, il-kunsillieri tal-Partit Laburista ma għoġbithom xejn din il-mozzjoni tant li injorawha kompletament u ressqu mozzjoni emendata biex l-investigazzjoni issir mill-Awidutur Ġenerali flimkien mad-Direttorat tal-Gvern Lokali – dan sabiex il-Gvern ideffes idu f’dan il-proċess.

Bil-kunsillieri lokali tal-Partit Laburista u dik indipendenti minflok iħallu biss f’idejn l-Awditur Ġenerali – uffiċjal pubbliku li jgawdi l-fiduċja tal-pajjiż kollu għax ġie elett fil-kariga tiegħu b’mod unanimu bis-sapport tal-membri kollha taż-żewġ naħat tal-Kamra – iridu li jkunu hemm id il-Gvern f’dan il-proċess importanti.