Ewropa Internazzjonali

Il-President Metsola tingħata Unur għall-Valuri Ewropej

Il-President tal-Kunsill Ewropew Costa: “Leħnek jgħaqqad u joffri reżiljenza”


Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet onorata fir-Rumanija bil-Premju Timișoara għall-Valuri Ewropej, bħala rikonoxximent għat-tmexxija kuraġġuża u ta’ ispirazzjoni tagħha, kif ukoll għad-dedikazzjoni soda tagħha favur id-demokrazija u s-solidarjetà Ewropea.

F’messaġġ speċjali, il-President tal-Kunsill Ewropew Costa qal li l-President Metsola hija rebbieħa denja ta’ dan il-premju bħala rikonoxximent tal-impenn tagħha lejn l-Unjoni Ewropea.

“F’isem dawk li japprezzaw il-libertajiet tagħna tad-demokrazija u d-dinjità umana, prosit,” qal il-President Costa. L-Eks Prim Ministru tal-Portugall irringrazzja lil Roberta Metsola “għat-tmexxija u d-dedikazzjoni notevoli biex tippromwovi l-valuri Ewropej kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-UE u talli tkellmet b’kuraġġ għal dawk li m’għandhomx leħen.”

Huwa żied li l-abbiltà ta’ Metsola li tegħleb id-differenzi u tressaq lil nies b’opinjonijiet opposti flimkien wriet lill-Ewropej li leħinhom jgħodd u li jintlaħaq kompromess mhux biss huwa possibbli iżda jibqa’ l-aħjar triq ’il quddiem. “Leħnek jgħaqqad u joffri reżiljenza,” ikkonkluda l-President Costa.

Il-premju ġie ppreżentat mis-Sindku tal-belt Rumena ta’ Timișoara, Dominic Fritz, li ddeskriva lill-President Metsola bħala “ispirazzjoni għal dawk kollha li jemmnu li l-politika m’għandhiex għalfejn tkun maħmuġa, iżda mod kif napplikaw l-imħabba lejn id-dinja.” Is-Sindku Fritz żied jgħid li f’dinja kumplessa fejn il-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet ħafna drabi tiġi kkontestata, Metsola ħadmet biex terġa’ tikseb il-fiduċja, l-integrità u r-responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Waqt li rċeviet il-premju, il-President Metsola qalet li “b’dan il-premju, aħna fil-Parlament Ewropew inġeddu l-wegħda tagħna: Li niddefendu l-valuri li ġabuna flimkien. li naħdmu għall-futur li jistħoqqlok int u wliedek. U li nibnu Ewropa li tispira.”

Għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni attendew madwar 550 mistieden ta’ livell għoli, inkluż uffiċjali tal-gvern Rumen, rappreżentanti tal-ambaxxati, rappreżentanti minn organizzazzjonijiet internazzjonali, membri Rumeni tal-Parlament Ewropew, u rappreżentanti minn oqsma kulturali, mediċi u akkademiċi.

Il-Premju Timișoara għall-Valuri Ewropej jonora personalitajiet rikonoxxuti internazzjonalment li jippromwovu jew jiddefendu l-valuri Ewropej ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea. L-MEP Maltija ntgħażlet unanimament minn membri ta’ ġurija ffurmata mill-Kritika tal-Letteratura, Awtriċi u Traduttriċi Rumena, Andriana Babeți; is-Sindku ta’ Timișoara, Dominic Fritz; id-Direttriċi tal-Films u kittieb tal-iskripts Rumen, Anca Miruna Lăzărescu; id-Direttur Mużikali tal-Orkestra Nazzjonali ta’ Franza, Cristian Măcelaru; l-Ambaxxatur, President tal-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO, Simona Miculescu u l-Imħallef Rumen fl-ICC, Iulia Motoc.

Matul iż-żjara tagħha, il-President Metsola ltaqgħet mal-President elett tar-Rumanija Nicușor Dan, u kienet l-ewwel mexxejja li ltaqgħet mal-President il-ġdid elett wara l-elezzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa. Aktar tard indirizzat mijiet ta’ studenti li nġabru biex jipparteċipaw f’diskussjoni mal-President tal-Parlament Ewropew.