Lokali Qorti

Il-Qorti tordna r-riarrest ta’ ‘Lilu King’ 

Il-Qorti Kriminali rrevokat il-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf aħjar bħala “Lilu King”. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-ġdid nhar il-Ġimgħa fuq depożitu ta’ €40,000. Elmushraty, ta’ 32 sena, ċittadin Tuneżin, huwa imprenditur f’Paceville u ‘influencer’ tal-midja soċjali li jħobb jiftaħar bil-ġid tiegħu fuq il-midja soċjali.

L-Imħallef Natasha Galea Siberras laqgħet l-appell li ppreżenta l-Avukat Ġenerali fejn qalet li l-akkużat ma jistax joffri s-serħan tal-moħħ biex joqgħod għall-kundizzjonijiet mogħtija mill-Ewwel Qorti. Ingħad li huwa kien ingħata diversi opportunajiet mill-Qorti f’każijiet preċedenti imma qatt ma żamm magħhom.

“Lilu King” kien reġa’ spiċċa l-ħabs f’Ottubru 2024 wara li ġie akkużat li kiser id raġel u kiser it-termini tal-ħelsien mill-arrest fi tliet każijiet preċedenti. Elmushraty ġie akkużat li weġġa’ u hedded raġel f’inċident fit-12 ta’ Ottubru f’Tas-Sliema, li kiser il-paċi pubblika u l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest stabbiliti fit-18 ta’ Marzu 2024, fis-6 ta’ Mejju 2023 u fil-25 ta’ Ottubru 2019. Huwa wieġeb mhux ħati.

F’Jannar, ingħata l-ħelsien mill-arrest iżda l-libertà tiegħu ma damitx ħafna wara li l-Avukat Ġenerali kien appella b’suċċess id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Kriminali. F’digriet mogħti l-Ġimgħa, il-Qorti kkunsidrat ir-rekord kriminali tar-raġel u l-istatus tal-proċedimenti.

Il-Qorti l-Ġimgħa tat il-ħelsien mill-arrest billi ordnat lil Elmushraty jidher għal kull seduta tal-Qorti u pprojbixxietu milli jitlaq mill-pajjiż. Huwa kien ġie ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija darbtejn kuljum. Elmushraty ġie ordnat joqgħod fl-indirizz tiegħu ta’ Ħaż-Żebbuġ hekk kif il-Qorti imponiet curfew fuq l-akkużat.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma filwaqt li ġiet imposta ordni ta’ superviżjoni fuq l-akkużat. Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €200,000. L-Imħallef Galea Sciberras qalet; “Jidher ċar li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux deterrent għall-akkużat, u bl-ammissjoni tiegħu stess instab ħati li kiser dawn il-kundizzjonijiet u dawk imposti fil-25 ta’ Ottubru 2019,” qalet il-Qorti.

Barra minn hekk, il-Qorti Kriminali kkunsidrat ukoll li waqt l-eżami tiegħu ddikjara li kien negozjant, madankollu, naqas milli juri li kien impjegat jew li kellu xi prospetti ta’ dħul ladarba jiġi rilaxxat lura fil-komunità.

Osservat li filwaqt li raġel kien xehed quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Diċembru fejn qal li kien lest li jimpjega lil Elmushraty, jidher li dan ma kienx possibbli peress li “l-card tiegħu ma kinitx lesta”.

Lanqas biss irriżulta jekk din l-opportunità ta’ xogħol kinitx għadha disponibbli peress li fl-10 ta’ Marzu, huwa xehed biss li kien lest li jaġixxi bħala garanti.

Meta rrevediet ir-rabtiet tiegħu ma’ Malta, il-Qorti osservat li Elmushraty ilu jgħix hawn għal ħafna snin, madankollu, fil-preżent l-unika rabta tiegħu mal-pajjiż kienet l-applikazzjoni pendenti tiegħu għall-ażil. Dan kien ifisser li kien f’Malta mingħajr status.

Il-Qorti Kriminali ddeċidiet li l-akkużat ma joffrix garanziji suffiċjenti biex ikunu imtaffija l-biżgħat li jeżistu dwaru kieku jingħata l-libertà proviżorja. Għaldaqstant laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali u rrevokat il-ħelsien mill-arrest mogħti fis-16 ta’ Mejju, u ordnat l-arrest mill-ġdid tiegħu.

Il-Qorti Kriminali kienet ippreseduta minn Natasha Galea Sciberras. L-Avukat Maria Francesca Spiteri dehret f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mill-prosekutur Eman Hayman. Elmushraty kien rappreżentata mill-Avukati Adreana Zammit u Martina Herrera.

Id-deċiżjoni mill-Appell fissret li l-akkużat intbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.