Internazzjonali

Ir-Rumanija: Rapport falz dwar indħil elettorali bil-logo ta’ ‘Euronews’

 

Numru ta’ elementi mhumiex identifikati qegħdin jagħmlu minn kollox biex jiddiskreditaw ir-rebħa tal-moderat Nicusor Dan fl-elezzjoni deċiżiva għall-Presidenza tar-Rumanija li saret nhar il-Ħadd….Rebħa li lanqas mhu qed jaċċettaha George Simion, estremista tal-lemin li jissimpatizza mar-Russja u li qed jaħseb biex jikkuntesta l-validità tal-vot uffiċjali.

Intant, fl-aħħar sigħat, video bil-logo ta’ ‘Euronews’ kien qed jiċċirkola online, bil-messaġġ li r-Rumanija kienet akkużat lil Franza dwar indħil fl-elezzjoni għall-Presidenza … U fil-verità, l-awtoritajiet f’Bucharest kienu akkużaw lir-Russja dwar attentati biex il-proċess għar-Rumeni jkun immanipulat fl-interessi tal-Kremlin.

Ftit hemm dubju li l-video, li ntbagħat fuq il-media soċjali, hu wieħed falz u qarrieqi — bl-użu tal-logo ‘Euronews’ qed ikun imfisser bħala frodulenti. Fl-istess ħin, ir-rapport li l-Ministru Rumen għall-Affarijiet Barranin kien bagħat messaġġ ta’ protesta lill-Gvern Franċiż ma kellu l-ebda bażi fir-realtà.

Hu minnu wkoll li l-Ministeri Rumeni għall-Affarijiet Barranin, l-Intern u d-Difiża għadhom qed jikkundannaw ‘l-indħil tar-Russja’ fl-elezzjoni tal-Ħadd. Fil-fatt, l-osservaturi barranin jemmnu li l-Kremlin, akkost ta’ kollox, ma riedx li Nicusor Dan jirbaħ l-elezzjoni peress li hu sostenitur qawwi tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tagħha,l-aġenzija tal-aħbarijiet Euronews ħarġet stqarrija fejn insistiet li l-istaff tagħha la produċew u lanqas ma pubblikaw il-video inkwistjoni. L-istqarrija kompliet li l-branding ta’ Euronews kien ikkupat mingħajr il-kunsens tal-aġenzija u li din l-aġenzija kienet qed tistinka biex il-filmat jitneħħa kompletament mis-soċial platforms kollha.