Lokali Parlament

Irrid ngħaddu Malta aħjar milli sibniha lill-ġenerazzjoni futura


Albert Buttigieg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-Parlament li rridu ngħaddu Malta aħjar milli sibniha lill-ġenerazzjoni futura.

Hu qal li kulħadd jifhem l-importanza li nħarsu l-patrimonju u l-wirt storiku tagħna; huwa dak li jagħmilna Maltin, Maltin kburin. Il-patrimonju Malti fih ħafna elementi, sostna Albert Buttuigieg, li kompla li llum m’hemm l-ebda attenzjoni għall-estetika imma aktar kemm ser indaħħlu appartamenti ħalli wieħed ikollu aktar profitt.
Hu staqsa x’qed iżomm il-Gvern li jerġa’ jagħmel bord fl-Awtorità tal-Ipannar għall-estetika biex b’hekk il-bini jkollu livell ta’ estetika u jkun jaqbel mal-kuntest ta’ madwar dik l-applikazzjoni? Hu staqsa wkoll jekk il-pajjż jiflaħx dan l-ammont ta’ bini u żvilupp fejn Malta donnha spiċċat sit wieħed ta’ kostruzzjoni fejn qed jintilfu diversi townhouses u bini ieħor. Hemm bżonn li jsir capacity building excercise biex naraw kemm nistgħu nifilħu nibnu u ma nispiċċawx belt waħda.

Hu qal li l-irħula qed jitilfu mhux biss l-istreetscapes tagħhom imma xi lokalitajiet tilfu l-identità tagħhom, bħall-Gzira u Tas-Sliema li kwazi wieħed ma għadux jagħrafhom.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa għaliex numru ta’ UCA fl-irħula tagħna xorta qed isir zvilupp fihom filwaqt l-ODZ ma baqgħux ODZ u jekk kinitx deċiżjoni ħażina li l-Gvern jifred l-Awtorita tal-Ipannar u l-ERA fejn issa l-ERA tilfet is-saħħa tagħha u hija l-Awtorità tal-Ipjannar li għandha l-aħħar kelma u tista’ tinjora dak li tgħid l-ERA.

Fl-istess baħar tinsab s-Sovratendenza tal-Wirt Storiku li suppost għandha responsabbiltà li tħares bini storiku iżda li saret bħal kelb jinbaħ mingħajr snien. Jekk verament nemmnu fil-patrimonju Malti allura nagħtu saħħa lis-Sovratendenza u applikazzjoni tiġi aċċettata jew le skont dak li tgħid l-istess Sovratendenza.

Hu tkellem dwar il-lingwa Maltija u qal li għalkemm tajjeb li nitkellmu b’lingwi oħrajn – fejn diversi jistgħu jagħmlu dan bl-Ingliż u bit-Taljan minħabba rabtiet storiċi ma’ dawn il-pajjiżi, imma tajjeb li nifhmu li lingwa Maltija l-akbar patrimonju ħaj li għandha. Filwaqt li niftħru bil-lingwa Maltija u l-PN fid-diskussjoni għad-dħul ta’ Malta fl-UE, irnexxilu jġib li l-Malti jkun wieħed mil-lingwi uffiċċjali tal-Ewropa, imma l-aħħar stħarrig għandu biex jinkwetana.

Fl-aħħar stħarriġ irriżulta li l-maġġoranza taż-żgħażagħ tagħna jippreferu li jitkellmu bl-Ingliż. Dan ifisser li l-lingwa Maltija għandha riskju eżistenzjali. Jidher liż-żgħażagħ jippreferu jużaw l-Ingliż sforz li għandhom exposure kbira mill-midja soċjali. X’qed nagħmlu biex ikun hemm preżenza tal-lingwa Maltija fuq is-social media?

Hu appella għal aktar promozzjoni tal-letteratura Maltija, tal-ktieb Malti u għajnuna lill-artisti Maltin. Dak li jagħmilna Maltin u jagħtina patrimonju huma l-valuri tagħna li tawna indentità partikolari. Il-valur tal-familja li tinġabar flimkien biex tagħti sostenn fit-tajjeb u fil-ħażin.

Albert Buttigieg sostna li r-responsabbiltà tad-deputati hi li ngħaddu lill-ġenerazzjoni futuri, Malta aħjar milli sibniha.