Raġel ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta ħati li seraq iPhone u ttrasferixxa €1,500 mill-kont Revolut tal-vittma għal tiegħu. Najib Afif mill-Olanda ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin.
Fil-qorti, ir-raġel ta’ 31 sena qal li kien sejjer lura lejn pajjiżu. Il-vittma, li kienet il-qorti, telgħet fuq il-pedana tax-xhieda u qalet li rċeviet lura l-ammont sħiħ. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ikkundannat lir-raġel għal sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin.
L-avukat Clive Aquilina mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxa l-prosekuzzjoni, assistit mill-ispettur tal-pulizija Roderick Attard. L-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar deher għall-akkużat.
//= $special ?>