Lokali

Il-Gvern qed jipprova jxekkel il-libertà tal-għalliema – Malta Business Weekly

Filwaqt li l-Gvern jiftaħar li qed jara titjib fis-settur edukattiv, il-Malta Business Weekly fil-editorjal tagħha esprimiet tħassib serju dwar attitudni li sejħet bħala “ta’ kontroll u ċensura” fuq l-għalliema – b’referenza diretta għad-direttiva li kienet maħruġa f’Settembru li għadda minn naħa tal-Gvern.

Din id-direttiva, skont il-ġurnal, timponi restrizzjonijiet fuq edukaturi biex jitkellmu mal-midja u titlobhom iġibu l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel. U dan kollu taħt il-kundizzjoni li dak li jgħidu jkun jimxi mal-politika tal-Gvern.

Il-Business Weekly ittimbra din il-mossa bħala attakk dirett fuq id-dritt fundamentali tal-libertà tal-kelma.

L-editorjal jindika kif żewġ rapporti tal-Ombudsman issa kkonfermaw dak li kien ilu jintqal minn edukaturi, midja indipendenti u membri parlamentari tal-PN: li dan kollu jammonta għal ċensura istituzzjonalizzata – u agħar minn hekk, il-Gvern baqa’ ma rrevokax din il-policy minkejja l-kritika u r-rakkomandazzjonijiet ċari li ingħataw.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, l-Imħallef irtirat Vincent De Gaetano, kien ċar fl-analiżi tiegħu; din mhix sempliċi estensjoni ta’ linji gwida preċedenti, iżda projbizzjoni ċara fuq il-libertà tal-espressjoni ta’ dawn il-professjonisti.

“L-għalliema għandhom dritt jitkellmu daqskemm għandhom dmir,” jgħid l-editorjal, u jżid li “l-kwalità tad-dibattitu pubbliku f’Malta m’għandhiex tigi mfixkla b’direttivi li l-iskop tagħhom hu li jrażżnu l-fehmiet li mhumiex konformi.”

L-editorjal qed iħeġġeġ lill-Gvern biex jirrikonoxxi li l-għalliema mhumiex propjetà tal-istat; huma ċittadini, professjonisti, u stakeholders ewlenin fid-diskussjoni dwar il-futur edukattiv tal-pajjiż. Għalhekk, kull attentat li dawn jiġu ċċensurati mhuwiex biss offensiv, iżda jnaqqar mid-demokrazija nnifisha.

Il-Business Weekly jikkwota wkoll kif ċirkulari oħra, li ħarġet f’Marzu u li suppost kienet ikkoreġiet is-sitwazzjoni, fil-verità kompliet iżżid il-konfużjoni, billi rreferiet għal regolamenti antiki u mhux ċari tal-2011.

Bl-editur jibqa’ jinsisti li m’hemmx lok għal dan it-tip ta’ ċensura.