L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, illum kellu laqgħa importanti ma’ Theodoros Roussopoulos, President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), fil-Parlament ta’ Malta.

Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-Presidenza attwali ta’ Malta tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn l-Ispeaker Farrugia elenka l-prijoritajiet ewlenin tal-pajjiż għal dan il-mandat. Dawn jinkludu t-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika, it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar il-kontinent.
Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll diversi kwistjonijiet reġjonali urġenti. L-Ispeaker Farrugia u l-President Roussopoulos iddiskutew il-prospetti ta’ sħubija ta’ Kosovo fil-Kunsill tal-Ewropa, u saħqu dwar l-importanza tal-inklużjoni, djalogu, u żvilupp istituzzjonali fir-reġjun. Qasmu wkoll il-fehmiet tagħhom fuq is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u esprimew appoġġ sod għas-sovranità tal-pajjiż kif ukoll il-ħtieġa għal impenn internazzjonali sostenibbli u solidarjetà kontinwa.
Matul il-laqgħa ġew imqajma wkoll kwistjonijiet oħra ta’ tħassib reġjonali komuni, bil-partijiet kollha mill-ġdid iġeddu l-impenn tagħhom lejn lir-rwol tal-Kunsill tal-Ewropa bħala għassies tal-valuri demokratiċi u l-kooperazzjoni multilaterali fost l-istati membri tiegħu.

Preżenti wkoll għal-laqgħa kien hemm il-Kap tad-delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Naomi Cachia, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Despina Chatzivassiliou, li wkoll tat sehemha fid-diskussjonijiet u enfasizzat l-importanza tad-diplomazija parlamentari biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-Ewropa.
Din il-laqgħa kienet opportunità biex tiġi riflessa r-relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll l-impenn komuni biex jiġu mħarsa l-valuri fundamentali tal-Organizzazzjoni matul il-Presidenza ta’ Malta u lil hinn minnha.
//= $special ?>