Internazzjonali

L-UE: L-abbuż tar-regoli minn Orban jista’ jiswa l-biljuni lill-Ungerija

Grupp sinifikanti ta’ MEPs sejħu biex il-Kummissjoni Ewropea, b’effett immedjat, tiffriża l-iffinanzjar mill-Unjoni Ewropea għall-Ungerija, fost is-sinjali li l-Gvern tal-Prim Ministru Viktor Orban qed ‘jiddisrispetta u jabbuża l-kunċetti għall-amministrazzjoni tal-liġi, f’Budapest.

It-talba saret f’ittra indirizzata lil Piotr Serafin, il-Kummissarju Ewropew b’responsabbiltà għall-Baġit; u lil Michael McGrath; il-Kummissarju Ewropew għad-Demokrazija u l-Ġustizzja. L-ittra kellha wkoll il-firma ta’ 26 deputat tal-Parlament Ewropew minn ħames gruppi politiċi differenti rappreżentati fl-Assemblea.

L-MEPs riedu jesprimu l-inkwiet tagħhom dwar l-aħħar żviluppi fl-Ungerija u meta qed iħeġġu biex il-Kummissjoni Ewropea żżid il-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Orban ħalli ma jkomplix jabbuża u jimminimizza r-regoli u valuri tal-UE. Dan, skont huma, għandu jsir bis-sospenzjoni immedata tal-fondi kollha tal-UE għall-Ungerija  skont il-kriterji tal-leġiżlazzjoni li tipproteġi lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Fil-preżent, il-Kummissjoni – permezz ta’ diversi mekkaniżmi leġiżlattivi – qed iżżomm mat-€18-il biljuni lill-Ungerija  ‘minħabba każi  ta’ korruzzjoni rampanti u l-abbużi serji fl-implimentazzjoni tal-liġi min-naħa tal-Gvern ta’ Orban’.