minn Charles Camenzuli
Ninsabu biss erbat ijiem ‘il bogħod mill-ftuħ uffiċjali tal-20 Edizzjoni tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa – Andorra 2025. Oriġinarjament din l-edizzjoni kellha ssir fl-2021 iżda tħassret minħabba l-COVID u Malta organizzat l-edizzjoni 2023.
Disa’ pajjiżi b’popolazzjoni ta’ anqas minn miljun persuna fejn fl-2009 iddaħħal ukoll il-Montenegro.
Mill-ewwel edizzjoni li kienet saret fl-1985 f’San Marino fejn f’dik l-edizzjoni Malta kienet rebħet l-ewwel u l-unika midalja – bronż bit-tim tal-basketball tal-irġiel, il-Logħob żviluppa tant li minn 220 atleta li ħadu sehem 40 sena ilu din id-darba in-numru mistenni jaqbeż it-800.
Din se tkun it-tielet darba li Andorra se torganizza l-Logħob, bl-ewwel darba fl-1991 meta dakinhar Malta rebħet midalja tad-deheb fit-tennis, tnejn tal-fidda fil-judo u atletika u erba’ tal-bronż fl-atletika, għawm u tnejn fit-tennis.
It-tieni darba li Andorra organizzat il-Logħob kien fl-2005 fejn Malta kienet rebħet 7 midalji tad-deheb, 13 tal-fidda u 18 tal-bronż għal total ta’ 38 midalja.
B’kollox fil-programm ta’ Andorra hemm 11-il dixxiplina fejn Malta se tkun limitata f’certi dixxiplini. Malta mhux se tieħu sehem fil-volleyball u judo filwaqt li tirritorna l-ġinnastika u għall ewwel darba Malta se tikkompeti f’għawm artistiku.
Għal Malta l-akbar grupp ta’ atleti huwa fl-atletika b’31 atleta, Basketball 3 X 3 bit-timijiet irgiel u nisa, ċikizmu bil-mountainbike, kompetizzjoni tat-triq u kontra l-ħin, karate fil-kata u kumite, rugby 7’s bit-tim tal-irgiel, sparar fit-trap u air pistol, fl-għawm inkluż għawm artistiku, table tennis irgiel u nisa kif ukoll ġinnastika ritmika.
Il-kontinġent Malti se jkun immexxi minn Daniel Farrugia Tanti u jħalli Malta nhar il-Ħadd 25 ta’ Mejju kmieni filgħodu.
Ic-Ċerimonja tal-Ftuħ għandha ssir f’Estadio Nacional, f’Andorra la Vella, fis-26 ta’ Mejju.
