Lokali Unjoni Ewropea

Ma tweġibx jekk hi kinitx tiltaqa’ mal-Huawei

Il-midja internazzjonali ilha kważi ġimgħa dominata mill-iskandlu tal-Huawei li fih hemm implikat l-MEP tal-Labour Daniel Attard; iżda l-Ministri Laburisti qed jibqgħu joħorġu għonqhom għalih. Tant li meta stqasejna lill-Ministru Julia Farrugia jekk tħossx li hu etiku li MEP jiltaqa’ ma’ lobbyist li qed jiġi investigat, hi għażlet li toħroġ għonqha għal Daniel Attard.

Meta Net News staqsa lill-Ministru Farrugia jekk hi personlament kinitx tmur u tiltaqa’ ma’ dan il-lobbyist, hi għażlet li taħrab milli twieġeb.

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard qed jiġi investigat mill-awtoritajiet Belġjani b’suspetti ta’ aġir kriminali; inkluż tixħim.

F’post fuq il-midja soċjali, Attard ammetta huwa stess li kien preżenti f’partita tal-Europa League fil-25 ta’ Settembru li għadda – partita li Attard ma ħallasx ċenteżmu wieħed għaliha, fi private box tal-Huawei.

Daniel Attard ammetta hu stess li waqt il-partita tal-futbol tqajjem is-suġġett tal-Huawei… u wara ġiet skedata laqgħa bejn il-Huawei u l-MEP tal-Labour.
Issa, l-awtoritajiet Belġjani qed jinvestigaw lill-MEP Laburista… bil-Prim Ministru u sħabu l-Ministri jibqgħu joħorġu għonqom għal Daniel Attard.