Opinjoni

OPINJONI: Ir-regoli tad-demokrazija

Tħares lejn liema sistema tħares, l-importanza li jiġi rispettat il-vot tal-votant huwa sagrosant f’demokrazija

minn Angelo Micallef

Wieħed mill-prinċipji l-aktar fundamentali u assoluti tad-demokrazija huwa li l-governanza tiġi deċiża permezz ta’ elezzjoni li tkun ġusta u ħielsa, liema proċess jiġi ripetut fuq bażi regolari u sistematiku.

Huwa għalhekk li meta mmorru neleġġu gvern jew kunsill inkunu nafu minn qabel kemm se jkun it-terminu ta’ dak il-gvern jew kunsill. Dan fuq naħa jagħti miżura ta’ kontabbiltà għaliex tali gvern jew kunsill jaf li fi tmiem dak it-terminu jrid mill-ġdid jiffaċċja l-ġudizzju popolari u fuq in-naħa l-oħra jagħti lil dik l-amministrazzjoni l-istabbiltà meħtieġa sabiex tkun tista’ tmexxi u twettaq il-programm elettorali li fuqu jkollha mandat.

Sistemi elettorali differenti

F’pajjiżi differenti hemm sistemi elettorali differenti fejn il-persuna tal-kandidat tvarja fl-importanza. Għandek pajjiżi li jużaw is-sistema tal-lista tal-partit, jiġifieri fejn il-votant jivvota partit jew ieħor imbagħad dak il-partit ikun fassal lista bil-kandidati numerati f’ordni ta’ prijorità u skont kemm il-partit jeleġġi siġġijiet skont kemm mil-lista jiġu eletti.

F’tali sistema l-importanza hija prattikament interament fuq il-partit. Hemm imbagħad sistemi bħal dawk tar-Renju Unit fejn bil-first past the post għalkemm il-kandidat huwa l-front man fir-realtà l-partit huwa fil-qofol tal-għażla.

Malta għandha s-sistema tas-single transferable vote fejn allura hemm importanza kemm fuq il-kandidat kif ukoll fuq il-partit. L-importanza tal-kandidat naturalment tiġi għall-fatt li l-votant għandu għażla libera bejn il-kandidati individwalment. L-importanza tal-partit tiġi għall-fatt li f’Malta kandidat joħroġ f’isem partit diment li ma jkunx indipendenti. Elettoralment xi ħadd li jrid jivvota partit se jfittex minn fost il-kandidati ta’ dak il-partit. Dan ifisser li l-kandidat jiggwadanja mill-għażla ta’ partit jew ieħor tal-votant.

Jibqa’ l-fatt, madankollu, li tħares lejn liema sistema tħares, l-importanza li jiġi rispettat il-vot tal-votant huwa sagrosant f’demokrazija. Huwa għalhekk ta’ tħassib li f’pajjiżna għandna min iridna nemmnu li sitwazzjoni fejn 62% tal-votanti f’lokalità jagħżlu li jkollhom tmexxija minn kandidati ta’ partit politiku partikolari imma jispiċċaw bit-tmexxija minn kandidati ta’ partit politiku ieħor hija b’xi mod ġusta u demokratika.

Ir-rally tal-PN f’Ħal Għargħur

Huwa għalhekk bir-raġun li propju lbieraħ il-Partit Nazzjonalista għamel rally favur id-demokrazija f’Ħal Għargħur. Din mhijiex kwistjoni ta’ jekk għandniex grazzja jew le mal-Eks Sindku Helen Gauci. Din mhijiex kwistjoni ta’ jekk aħniex Nazzjonalisti jew le. Din hija kwistjoni fejn ir-regoli sempliċi tad-demokrazija qegħdin jiġu manifestament miksura u mgħawġa bl-aktar mod evidenti.

Din hija kwistjoni fejn irridu naraw li f’pajjiżna l-vot tal-votant jiġi rispettat fl-intier tiegħu. Jekk il-votant jagħti mandat mela tali mandat għandu jiġi rispettat. Jekk niftħu l-lok li l-vot tal-pubbliku jista’ jiġi injorat bil-manuvri wara l-kwinti mela allura se nirrendu l-vot demokratiku f’pajjiżna bħala farsa.

X’teħtieġ id-demokrazija

L-Eks President Amerikan Barack Obama darba stqarr li: “Our democracy is not the task of Congress alone, or the courts alone, or even the president alone. Democracy is not a spectator sport. It requires the full participation of all its citizens.”

Huwa minnu li d-difiża tad-demokrazija hija r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna. Id-demokrazija tmur lil hinn mill-kuluri partiġjani imma hija pediment fundamentali għal-libertà ta’ kull wieħed u waħda minna.

Il-qerda tad-demokrazija rari bdiet minn atti spettakolari u kbar imma storikament dejjem bdiet minn atti żgħar li jnaqqru u jnawru bil-mod il-mod sakemm jieklu fil-qalba nett.

Fuq kollox, kif stqarr tant tajjeb snin twal ilu l-Eks President Amerikan John F Kennedy, “Democracy is never a final achievement. It is a call to an untiring effort.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 22 ta’ Mejju, 2025.