minn Mark A. Sammut Sassi
Il-Papa Ljun XIV għadu kif tenna prinċipju li naħseb hu fundamentali għall-viżjoni tad-dinja Ġudeo-Kristjana: iż-żwieġ għandu jkun bejn raġel u mara. Wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx ma’ dil-viżjoni, però l-Knisja ma tistax titbiegħed mill-viżjoni li tinsab fil-Kotba Mqaddsa. Jekk fil-Ġenesi hemm miktub li l-ewwel familja – dik ta’ Adam u Eva – kienet magħmula minn mara u raġel, l-ebda rappreżentant tal-Knisja ma jista’ jitbiegħed minn dal-kunċett.
Jien jidhirli li dan hu minn ewl id-dinja. B’danakollu, qam putiferju sħiħ kontra l-Papa Ljun XIV talli tenna t-tagħlim tal-Knisja li hu l-kap tagħha. Ma nistax nifhem jien! Allura x’riduh jgħid, li se jżarma t-tagħlim tal-Knisja u jixħet ’il barra mit-tieqa l-messaġġ rivelat fil-Kotba Mqaddsa? Intenni, tista’ taqbel jew ma taqbilx (jew temminx jew ma temminx) f’dal-ħwejjeġ, imma bil-loġika żgur ma tistax tippretendi lill-Papa jmur kontra t-tagħlim tal-Knisja tiegħu stess…
Għandhom biċċa raġun
B’danakollu, it-talin li qed jikkritikaw lill-Papa Ljun XIV għandhom biċċa raġun. Għax il-Papa ta’ qablu kien iħobb jilgħab man-nar. Ngħidu aħna, bit-tberik taċ-ċrieket jew – ferm u ferm agħar – meta fl-2022 ħatar lil waħda “esperta” fl-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja meta din l-“esperta” kienet magħrufa li hi pro-abort. L-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja kienet twaqqfet mill-Papa Ġwann Pawlu II l-Kbir biex tmexxi ’l quddiem il-messaġġ favur il-ħajja. Biex issir membru kont ridt tiffirma dikjarazzjoni li tgħid li “quddiem Alla u quddiem il-bnedmin tixhed li għalik kull bniedem hu persuna” u li “mill-mument li l-embrijun jifforma sal-mument tal-mewt jibqa’ l-istess bniedem li jimmatura u mbagħad imut”. Il-Papa ta’ qabel Ljun XIV neħħieh l-obbligu tal-iffirmar ta’ dil-istqarrija. Bilfors allura, daħal it-taħwid f’moħħ ċerti nies.
Taħwid bħal, ngħidu aħna, li l-Papa Ljun XIV ma messux tenna t-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ. Kien hemm min qal, “Iż-żminijiet inbidlu. Illum hawn familji differenti.” Bħalkieku għax iż-żminijiet inbidlu, il-Knisja trid tinbidel. U trid tiġri wara l-modi tad-dinja, flok ma tipprova ġġib id-dinja lejn l-ordni.
Ideat żbaljati dwar il-Passat
Naturalment min jemmen li ż-żminijiet inbidlu donnu jemmen ukoll li hemm Passat (bil-“P” kbira) li hu ffriżat fiż-żmien. Li ma hemmx bidliet fih. U dal-Passat “iffriżat” irid issa jinħall mill-Preżent. Min jemmen dal-ħwejjeġ jemmen ukoll li fl-imgħoddi l-affarijiet dejjem kienu jsiru bl-istess mod, u li l-Knisja kienet tikkmanda hi u kulħadd irid jobdiha.
Min jaf l-Istorja, jaf li l-affarijiet ma mxewx hekk. Fl-imgħoddi kien hemm relazzjonijiet bejn ġenituri u wlied, bejn irġiel u nisa, eċċ, li ġew influwenzati mill-moda tal-epoka jew miċ-ċirkostanzi ekonomiċi jew mill-iżviluppi politiċi, u l-bqija. Il-Passat ma kienx blokka silġ – kien, bħall-Preżent fuq kollox, għadd ta’ kurrenti ta’ ilma ġieri jiġru kontra xulxin.
Xi eżempji
Fl-1575, id-Delegat Apostoliku Pietro Dusina kiteb rapport dwar is-sitwazzjoni f’Malta li hu minjiera ta’ tagħrif. Fost ħwejjeġ oħra, insiru nafu li bosta qassisin kellhom familja. Kien hemm qassis partikolari, minn Birkirkara, li mhux familja waħda kellu talli saħansitra kellu tnejn!
Bir-raġunament li semmejna aktar ’il fuq, x’kellha tagħmel il-Knisja? Tgħid, “Ħeqq, hawn familji differenti, mela nħallu kollox għaddej”? Jidhirli li hu minn ewl id-dinja li fejn kien hemm raġel wieħed b’żewġ familji (hux qassis jew le) kien hemm bżonn ta’ intervent; fil-każ tal-qassisin bil-familja wkoll kien hemm bżonn ta’ intervent.
Din tal-qassisin bin-nisa ma kinitx biss problema ta’ Malta. Snin qabel iż-żjara ta’ Dusina, Martin Luteru skandalizza ruħu meta żar Ruma u sab li bosta qassisin kellhom mara tgħix magħhom bħala s-sieħba. Għal din ir-raġuni (u bosta, bosta oħrajn) Luteru beda l-moviment Protestant … protesta kontra l-Knisja li mxiet wara d-dinja flok tat direzzjoni lid-dinja. Il-Knisja tat widen għal dawk il-protesti, u ħadet passi biex tirmedja, bil-Konċilju ta’ Trentu, ngħidu aħna.
Ma jfissirx li l-Knisja imponiet; il-Knisja għallmet. (X’għamlu qassisin individwali, dik storja oħra.) Ngħidu aħna, fis-seklu 19 kienet daħlet l-użanza (u mbagħad saret liġi f’bosta pajjiżi) li t-tfal illeġittimi ma jkollhomx jedd ikunu jafu min hu missierhom. L-idea kienet li jżommu lill-ulied illeġittimi milli jieħdu sehem mill-wirt ta’ missierhom, fi żmien meta l-kapitaliżmu kien beda jirranka. Il-Knisja ma waqfitx minuta ttenni li kull bniedem għandu jedd ikun jaf min hu missieru. Fl-aħħar, wara kważi seklu, il-liġijiet inbidlu.
Fis-seklu ta’ qabel, kien komuni fi Franza li l-missier jagħżel l-għarus għal bintu. Jew jekk din ma toqgħodx għar-rieda ta’ missierha, jaqtagħha mill-wirt. Minħabba f’hekk bdew isiru bosta żwiġijiet klandestini – għax tista’ tilbes kemm trid ingwanti tal-ħadid, fl-aħħar mill-aħħar ir-riġlejn fejn tmur il-qalb imorru. Il-Knisja ta’ Ruma kienet il-ħin kollu tisħaq li l-qassisin għandhom jgħinu lin-nisa jiżżewġu lir-raġel li jridu huma, u mhux lir-raġel li jimponu fuqhom missirijiethom.
Jekk immorru aktar lura fiż-żmien, insibu li l-Knisja qaċċtet il-poligamija mill-Irlanda, ngħidu aħna. Sa ma l-Irlanda saret Nisranija, raġel seta’ jiżżewweġ bosta nisa – kienet il-Kristjanizzazzjoni li waqqfet did-drawwa kiefra. Il-psikoloġija moderna tgħallem li l-poligamija għandha effetti koroh fuq is-saħħa mentali tal-ulied u tan-nisa. Il-Knisja ma tatx kas li fl-Irlanda kien hemm dak it-tip ta’ familja: stinkat biex tibdel il-mentalità noċiva, u qaċċtet il-poligamija.
L-istess ġara fil-każ tal-Vikingi. Dawn kellhom ritwali ta’ dfin makabri – imut gwerrier, sħabu jkollhom x’jaqsmu mal-ilsiera nisa tiegħu u mbagħad jidfnuhom mal-mejjet. Meta daħal il-Kristjaneżmu fl-artijiet tal-Vikingi, il-missjunarji ħadmu biex jieqfu dal-barbaritajiet. Ma qagħdux jgħidu, “Għax hawn drawwiet differenti” – minflok daħħlu d-drawwiet li jimxu mal-loġika li jgħallem il-Kristjaneżmu.
(Biex ma nħawdux, ħafna mill-ideat kontra n-nisa ma jinsabux fil-Kristjaneżmu Kattoliku, imma f’dak Protestant.)
Polijamorija
Problema li jien qiegħed naraha tikber illum hi l-polijamorija, jiġifieri li persuna waħda tagħmel l-ulied ma’ bosta nies differenti u kull wieħed minn dawn jagħmel l-istess. Il-konfużjoni li se jkollna fil-pajjiż se tkun enormi u diffiċli biex wieħed isibilha rkaptu. Mhux biss f’kustjonijiet ta’ wirt, imma anki ta’ żwieġ u għemil tal-ulied. Ngħidu aħna, ġuvni li jkollu ħuh minn missieru li jkollu oħtu minn ommu: jekk dak il-ġuvni jiżżewweġ lil oħt ħuh imma li mhix oħtu, xi jkun l-impatt psikoloġiku fuq u fuq l-ulied li jiġġeneraw?
Bħalissa dal-fenomenu qed jikber. Għandna nistennew li l-Knisja (u anki l-Istat) għandhom jiġru wara s-soċjetà jew għandhom imexxu lis-soċjetà?
Ordni/Diżordni?
Milli nista’ nifhem, il-Papa Ljun XIV qed jgħid li aħjar l-ordni mid-diżordni. Aħjar il-Knisja tmexxi milli titmexxa.
Frankament, naħseb l-esperiment tal-Konċilju Vatikan II falla, u m’għandux jissokta aktar. Naraw jekk il-Papa l-ġdid huwiex se jmexxi lejn pożizzjoni bħal din.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 22 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>