Repubbblika tat ir-reazzjoni dettaljata tagħha għall-emendi kostituzzjonali proposti fl-Abbozz Nru 134
u sostniet il-fehma tagħha li l-emendi biċċa biċċa tal-Kostituzzjoni qed jheddu l-bilanċ ta’ governanza demokratika ta’ Malta.
Tenniet l-appell tagħha li l-Konvenzjoni Kostituzzjonali mwegħda mill-partit fil-gvern fl-2012 tissejjaħ biex tiddiskuti pakkett ta’ riformi kostituzzjonali maqbul li jġedded id-demokrazija tagħna u li fost oħrajn iħares u jsaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura.
L-ewwel emenda sostantiva fl-Abozz tneħħi l-esklużjoni tal-imħallfin mill-possibbiltà li jinħatru President ta’ Malta. Repubblika ma taqbilx ma’ din il-bidla għax biex tkun assigurata tassew l-indipendenza tal-ġudikatura, m’għandu jkun hemm ebda inċentiv jew xi ħaġa li tista’ tiġi meqjusa bħala prestiġju jew premju għal wara li mħallef jirtira mill-kariga tiegħu.
Repubbblika temmen li mhux talli mħallfin m’għandhomx jinħatru president, iżda li meta jirtiraw l-imħallfin għandhom ikunu kkumpensati għal għomorhom mingħajr il-bżonn jew ix-xewqa li jiġu ingaġġati f’xi pożizzjoni eżekuttiva oħra fl-amministrazzjoni pubblika. Dan għandu jgħodd ukoll għall-maġistrati.
Din il-fehma mhix riflessjoni fuq il-kapaċitajiet tal-imħallfin li fosthom hemm min ikun president tajjeb bħalma fuq kollox kien l-ewwel President ta’ Malta. Iżda biex il-ġudikatura tkun indipendenti u tkun tidher li hi indipendenti mill-gvern, m’għandux ikun possibbli li l-gvern j jippremja mħallfin wara li jirtiraw b’ħatriet fl-amministrazzjoni pubblika jew jikkastigahom billi jeskludihom minn ħatriet oħra.
Il-Kostituzzjoni għandha taħseb biex ma jkunx possibbli għal persuni li kienu mħallfin jew maġistrati milli jikkontestaw għal xi pożizzjoni politika eletta.
Sezzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali
Waqt li m’hemmx oġġezzjoni għall-ħolqien ta’ sezzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, Repubbblika mhix konvinta li dawn l-emendi waħidhom se jkollhom l-effett li jtejbu l-effiċjenza tad-deċiżjonijiet ta’ din l-ogħla Qorti tal-pajjiż. Ma jidher li qed isir xejn biex tiżdied l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin f’din il-qorti jew li jiżdiedu r-riżorsi li qed jingħatawlha.
Konsultazzjoni meta jinħatar Prim Imħallef ġdid
L-emenda tintroduċi fil-proċedura tal-ħatra ta’ prim imħallef ġdid l-obbligu fuq il-prim ministru li qabel jippreżenta nomina lill-Repubbblika Parlament jikkonsulta lill-prim imħallef preċedenti (u lill-President ta’ Malta) dwar il-ħatra tas-suċċessur tiegħu.
Il-Kummissjoni Ewropea ilha s-snin tinsisti li biex tkun assigurata l-indipendenza tal-gudikatura, din tkun involuta fl-għażla tal-president tagħha. Il-gvern iddikjara li qed idaħħal din il-bidla biex jissodisfa lill-Kummissjoni Ewropea.
Madanakollu, Repubbblika temmen li din l-emenda m’għandhiex l-effett mixtieq li tassigura tassew l-indipendenza tal-ġudikatura għal dawn ir-raġunijiet:
Għalkemm hu minnu li parti mir-rwol ta’ prim imħallef hu li jirrappreżenta l-interess tal-ġudikatura, il-konsultazzjoni kif proposta tista’ tispiċċa ssir wara li l-prim imħallef ikun irtira u allura meta r-rwol tiegħu, inkluż l-obbligu li jirrappreżenta lil sħabu l-ġudikanti, ikun spiċċa. Dan tant hu minnu li bil-mod kif isiru l-affarijiet fil-preżent u aktar bl-emenda li se tippermetti li imħallef isir President, il-prim imħallef li jkun qed jirtira aktar se jkun qed jinnegozja x’se jiġri minnu wara li jirtira. Dan hu l-kontra ta’ li għandha tkun l-indipendenza tal-ġudikatura.
Barra minhekk, l-emenda f’dan l-abbozz ma tobbligax lill-prim ministru joqgħod għall-parir li jagħtih il-prim imħallef li jkun qed jirtira dwar l-għażla tas-suċċessur tiegħu. Jiġifieri anke b’din l-emenda l-fergħa leġiżlattiva qed iżżomm id-diskrezzjoni sħiħa li tagħżel lil min taħtar biex imexxi l-fergħa ġudizzjarja li suppost hi għal kollox indipendenti minnha.
Dan imur kontra l-parir ripetut tal-Kummissjoni Ewropea li qalet li Malta għandha ssegwi n-normi internazzjonali tal-indipendenza tal-ġudikatura kif sanċiti fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa li f’Artikolu 47 li tgħid li fejn deċiżjonijiet dwar il-karrieri tal-imħallfin jittieħdu mill-fergħa leġiżlattiva, dawn għandhom isegwu l-parir li jagħtihom korp konsultattiv magħmul fil-parti l-kbira tiegħu minn imħallfin.1
Biex din l-emenda tissodisfa dan ir-rekwiżit, mhux biss il-prim ministru għandu jikkonsulta mal-prim imħallef preċedenti, iżda għandu jimxi mal-parir tiegħu.
Hi l-fehma ta’għna’ Repubbblika li l-prim imħallef għandu jintgħażel bil-ħidma tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, kif fuq kollox jintgħażlu l-imħallfin l-oħra kollha, mingħajr l-indħil tal-gvern u tal-Parlament.
Il-kandidati li ma jintgħażlux
Nifhmu li hi xewqa espressa minn membri tal-professjoni legali li ma jibqgħux ixxandru l-ismijiet ta’ dawk li kienu shortlisted għall-pożizzjoni vakanti ta’ mħallef jew maġistrat iżda ma ntgħażlux. Nifhmu li din l-emenda tirrifletti din ix-xewqa.
Repubbblika tirreġistra nuqqas ta’ qbil li titnaqqas it-trasparenza u l-kontabbiltà pubblika fil-proċessi tal-għażla ta’ imħallfin u maġistrati ġodda jew il-promozzjoni ta’ maġistrati biex isiru mħallfin. Ma nifhmux għalfejn xi ħadd għandu jħossu imbarazzat li kien ikkunsidrat iżda finalment mhux magħżul għal ħatra bħal din. Fl-istess waqt, qed jitreġġa’ l-arloġġ lura għal żmien fejn id-deċiżjoni tal-president li jeskludi persuni minn fost kandidati shortlisted ma tkunx soġġetta għal skrutinju pubbliku.
Estensjoni l-età tal-irtirar
Repubbblika m’għandna ebda oġġezzjoni li tiġi estiża l-età tal-irtirar tal-imħallfin biex ikunu jistgħu jkomplu jagħtu servizz. Temmen li dan għandu jkun dritt ta’ kulħadd, mhux l-anqas tal-imħallfin. Iżda quddiem l-emendi Repubbblika tifhem li l-estensjoni fl-età tal-irtirar magħmula b’din l-emenda mhix awtomatika, iżda ssir biss wara li l-imħallef japplika u ma tingħatalux bi dritt iżda fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni għall Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Dan l-element diskrezzjonali iġib ir-riskju li l-imħallef li jkun qrib l-età tal-irtirar ikollu mġibtu kkondizzjonata mix-xewqa li l-Kummissjoni jkollha opinjoni favorevoli għall-applikazzjoni tiegħu għall-estensjoni tal-età tal-irtirar. Dan l-element diskrezzjonali jkompli jnaqqar l-indipendenza tal-ġudikanti.
Għal Repubbblika dan mhux aċċettabbli. Soluzzjoni alternattiva li tneħħi dan l-element diskrezzjonali tkun li l-età tal-irtirar fil-Kostituzzjoni tiġi stabbilita li tkun ta’ 70 sena u jekk imħallef minn jeddu jkun jixtieq jirtira qabel jagħlaq is-70 sena imma wara l-età tal-irtirar preżenti ta’ 68 sena, dan ikun jista’ jagħmlu mingħajr impatt fuq il-pensjoni tiegħu.
Repubbblika fakkret ukoll li l-Kummissjoni hemm fiha avukati li jipprattikaw u jargumentaw quddiem l-istess imħallfin li mbagħad ikunu jridu mingħandhom il-barka biex ma jirtirawx kmieni. Dan ikompli jissottolinea l-bżonn ta’ diskussjoni ħolistika dwar il-Kostituzzjoni, mhux biċċa biċċa kif qed isir.
Estensjoni tal-perjodu tal-ewwel rapport tal-kumitat dwar l-etika
Repubbblika m’għandha ebda oġġezzjoni fil-prinċipju għal din l-emenda ħlief biex tagħmel il-kumment ġenerali li s-soluzzjoni għal backlogs ta’ kawżi pendenti għandha tkun titjib fir-riżorsi biex ikunu riżolti fiż-żmien maħsub fil-liġi minflok is-soluzzjoni sempliċi li jittawwal iż-żmien maħsub fil-liġi.
Kummissarju għall-istandards
Repubbblika tifhem li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandu jkollha r-riżorsi biex tesegwixxi l-funzjoni tagħha li teżerċita dixxiplina fuq il-membri tal-ġudikatura. Tifhem ukoll li l-Kummissjoni m’għandha kważi ebda riżorsi finanzjarji u umani biex taqdi l-funzjoni tagħha.
Tilqa’ wkoll it-tibdil propost li l-pubbliku jerġa’ jkollu l-possibbiltà li jagħmel direttament lil xi ħadd (lill-Kummissarju) ilment dwar l-imġiba ta’ imħallfin jew maġistrati mingħajr il-bżonn tal-interċessjoni tal-Prim Imħallef jew il-Ministru tal-Ġustizzja.
Tinsisti iżda, li għandu jkun hemm is-salvagwardji kollha biex il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ġudikatura ma jkollhiex l-effett li tnaqqas l-indipendenza tal-ġudikant.
Biex dan isir, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi materji ta’ dixxiplina tal-ġudikatura, m’għandhiex tinkludi fiha membri maħtura direttament mill-gvern jew mill-Parlament. Hi l-fehma ta’għna wkoll Repubbblika li r-rapport tal-Kummissarju dwar opinjoni preliminari ta’ mġiba ħażina ta’ ġudikanti m’għandux, kif inhu propost, jintbagħat lill-Ministru tal-Ġustizzja.
Il-Kummissjoni għandha l-ewwel teżawrixxi l-proċess intern tagħha qabel tinforma bl-eżitu lill-Ministru tal-Ġustizzja. Hi l-fehma ta’ Repubbblika li l-uffiċjali kollha maħtura biex jassistu lill-Kummissjoni fil-qadi ta’ dmirijietha għandhom kollha jinħatru mill-Kummissjoni stess u mhux minn xi korp ieħor, partikolarment mhux mill-gvern.
L-emenda tgħid li l-Kummissarju “iwettaq analiżi” tal-case load li donnu jfisser li l-Kummissarju se janalizza l-effiċjenza tal-ġudikanti. Iżda minn hemm l-emenda ma tgħid xejn x’jista’ jagħmel il-Kummissarju jew xi ħadd ieħor jekk jirriżulta minn din l-analiżi li ġudikant mhux effiċjenti.
B’din l-emenda l-gvern donnu jrid jissuġerixxi li d-dewmien fis-sistema ġudizzjarja tagħna ġej biss minn xi nuqqas ta’ produttività tal-imħallfin u l-maġistrati. Dan meta hu ċar li hemm nuqqasijiet kbar fir-riżorsi umani, finanzjarji u ta’ spazju fil-qrati tagħna u li huma fir-responsabbiltà tal-gvern li jindirizza, u mhux tal-imħallfin jew ta’ xi kummissarju mqabbad biex isus fuqhom.
L-emenda tgħid li r-rapport annwali tal-Kummissarju jsir lill-Kummissjoni u lill-Ministru tal-Ġustizzja. Hi l-fehma ta’ Repubbblika li r-rapport għandu jkun pubbliku anke jekk identifikazzjoni personali ta’ persuni li ma nstabux ħatja ta’ mġiba ħażina jkunu mneħħija mill-verżjoni ppubblikata tar-rapport.
Bdil fil-metodu tal-ħatra tal-Awditur Ġenerali
Repubbblika għandha riservi dwar emenda li tikkonċerna l-Awditur Ġenerali imdeffsa f’abbozz ta’ liġi li jitratta l-ġudikatura. Din hi konfużjoni li mhix mixtieqa. Il-kariga ta’ ġudikant u l-kariga ta’ Awditur Ġenerali m’għandhomx u m’għandux ikollhom x’jaqsmu ma’ xulxin.
Din l-emenda toħloq anomalija għax tinjora l-fatt li l-Kostituzzjoni trid li jkun hemm ukoll Deputat Awditur Ġenerali. Din il-pożizzjoni, u l-mod kif il-Kostituzzjoni taħseb li timtela’, teżisti biex taħseb għall-kontinwità anke f’ċirkostanzi fejn ma jkunx hemm qbil dwar il-ħatra tal-Awditur Ġenerali li jmiss.
Repubbblika hi mħassba li din hi anomalija li qed tiddaħħal b’mod konxju mill-gvern u tirreġistra nuqqas ta’ qbil. Argumentat li għandha ssir diskussjoni speċifika dwar l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika u taż-żewġ karigi kostituzzjonali tal-Awditur Ġenerali u tad-Deputat Awditur Ġenerali biex l-emendi li jsiru ma jkunu qatt ta’ periklu għall-importanza vitali ta’ din l-istituzzjoni għall-governanza ta’ pajjiżna.
Emenda Minuri
M’hemmx oġġezzjoni minn Repubbblika għall-emenda li qed issir għall-Artikolu 41 (5) tal-Kostituzzjoni.